Lokali

Anzjan isofri ġrieħi serji f’każ ta’ ‘hit and run’

RITRATT: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni - Korp tal-Pulizija

Il-Pulizija qed tfittex is-sewwieq ta’ vettura li laqtet anzjan u baqgħet sejra. L-inċident seħħ fi Triq iż-Żurrieq f’Birżebbuġa għall-ħabta tan-12.30a.m. Il-pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn instab raġel ta’ 69 sena residenti Birżebbugia isofri minn diversi ġrieħi.

Minnufih issejjaħ tim mediku li ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace kienet informata bil-każ u fetħet inkjesta, assistita minn numru ta’ esperti. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ f’dan il-każ li qed jiġi trattat bħala ‘hit and run’ u qed tappella biex kulmin għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet hu mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anki b’mod kunfidenzjali, fuq in-numru 119 jew 21224001.