Coronavirus Internazzjonali

COVID-19: ikomplu mill-ġdid it-testijiet fuq il-vaċċin ta’ Oxford

L-Università ta’ Oxford reġgħet kompliet it-testijiet fuq il-vaċċin tal-Covid-19 wara li kollox kien sospiż għal investigazzjoni urġenti għax voluntier kien qed jesperjenza effetti xejn sbieħ. Wara dan l-episodju, l-Aġenzija tar-Renju Unit għar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa u l-Mediċina qalet li kollox jista’ jkompli b’mod sigur.

Madwar id-dinja, madwar 18,000 persuna huma voluntiera għal studju dwar il-vaċċin kontra l-Coronavirus.

Sadanittant, ġimgħa wara ġimgħa, il-Coronavirus qed ikompli jinfirex, bil-każi pożitttivi kkonfermati issa laħqu t-30 miljun f’188 pajjiż differenti, filwaqt li l-imwiet laħqu kważi l-miljun.

Dan kien iddikjarat sitt xhur wara li d-WHO ħabbret li d-dinja qed tesperjenza pandemija, b’għadd ta’ pajjiżi li kienu rnexxilhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni reġgħu qed jaraw żieda sostanzjali fil-każi pożittivi.

L-Ażja hu l-iżjed kontinent li qed jara żieda fin-numru ta’ każi rreġistrati kuljum. Wara fil-lista hemm l-Indja, li qed jesperjenzaw żieda sostanzjali fil-każi, hekk kif il-Gvern beda jneħħi r-restrizzjonijiet bl-iskuża li jrid jgħin l-ekonomija.

Il-Brażil qed jirreġistra l-iżjed pajjiż li ra mwiet minn madwar id-dinja, b’madwar 130,000, filwaqt li s’issa għandhom aktar minn erba’ miljun każ pożittiv.

L-ekonomija tal-Unjoni Ewropeja tidher li qed tmur għall-aħjar wara li sofriet mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-Covid-19 … iżda sfortuntatament, fl-Ewropa wkoll għadd ta’ pajjiżi qed jirreġistraw żieda sostanzjali fil-każi pożittivi, bil-pajjiżi aktar ma jmur aktar qed jerġgħu jżidu r-restrizzjonijiet.

L-awtoritajiet ta’ Franza qed jitolbu liċ-ċittadini biex ikunu prudenti ħalli jevitaw it-tixrid tal-virus u biex jiġi evitat li jissejjaħ lockdown.

U fil-Kosovo, hekk kif is-sodod tal-isptarijiet ma jifilħux aktar pazjenti tal-Covid-19, fi stħarriġ li sar jidher li terz tal-popolazzjoni jemmnu li l-pandemija hi prattikament ċajta.

Min-naħa l-oħra, 12-il miljun Amerikan jinsabu f’riskju li jitilfu djarhom, b’saħħithom tmur lura hekk kif ilhom għal ġimgħat u saħansitra xhur jistennew benefiċċju tal-qgħad.

Għall-kuntrarju, l-Antarktika qed igawdu żmien mingħajr ebda każi ġodda, bir-residenti jistgħu joħorġu barra mingħajr maskri.