Ħalba qalila ta’ xita wasslet biex għadd ta’ toroq madwar il-gżejjer Maltin għerqu hekk kif ma bdewx ilaħħqu mal-ammont ta’ xita li bdiet nieżla.
Minkejja li l-ġurnata bdiet b’sema kaħlanija mill-isbaħ, kollox inbidel għall-ħabta ta’ nofsinhar meta pajjiżna nkesa b’għadd ta’ sħab iswed. Dan kien imbassar għall-aħħar jiem fuq it-tbassir tat-temp maħruġ mill-Uffiċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Kif jixhed ir-ritratt t’hawn taħt, għadd ta’ persuni spiċċaw inqabdu fiha tant li għadd ta’ vetturi u oġġetti oħra bdew jitkaxkru mill-kurrent qawwi.
U xi ngħidu għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li tant kemm esperjenza xita li kollox waqaf għal ftit ħin sakemm tikkalma s-sitwazzjoni. Fil-fatt, għadd ta’ titjiriet kellhom xi ftit ta’ dewmien matul il-ġurnata.
Fuq post fuq Facebook, il-kelliem għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Toni Bezzina qal li wara din ix-xita li għamlet uriet ċar nuqqas ta’ ppjanar serju fix-xogħlijiet ta’ toroq huwa Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-Mqabba.
Hu saħaq li dan mhux każ uniku u li wara aktar minn sena xogħol f’din t-triq bi spejjeż ta’ miljuni ta’ ewro mit-taxxi tagħna, kull min jgħaddi minn din t-triq jegħreq u jikkawża ħsarat kbar lill-propjetajiet fil-viċinanzi kif ukoll lil vetturi li jgħaddu minn din t-triq.







