Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Ħallew lill-ġenituri fil-baħħ

"Għandi tifel b'diżabbiltà. Ilna msakkrin ġewwa minn Marzu."

Baqa’ biss ġimgħatejn qabel terġa’ tibda s-sena skolastika l-ġdida… u l-ġenituri għadhom mingħajr ebda tip ta’ risposta biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u l-edukazzjoni ta’ uliedhom.

Mhux b’anqas għat-tfal b’diżabbiltà, li ta’ kuljum għal xhur sħaħ qed iqattgħu ħajjithom fil-biża’ ta’ x’jiġri jekk imisshom il-COVID-19.

“Jien ma nafx kif fi klassi kollha fuq xulxin, kif se ssir id-distanza soċjali. Qed insaqsi mistoqsijiet bażiċi. Dawn il-guidelines li ħarġu? Ma kontx nippretendi li wara dawn ix-xhur kollha, joħorġu b’guidelines li anke tifla ta’ ħames snin kienet tgħidlek.”

Dan hu t-tħassib ta’ Rebecca, omm ta’ tliet it-tfal, b’wieħed minn uliedha għandu disa’ snin u għandu l-kundizzjonijiet ta’ down syndrome, epilessija, autism, ADHD u problemi respiratorji.

It-tifel ġie trasferit għal skola differenti biex ikun assigurat li jkun mal-anqas tfal possibbli. Iżda ż-żewġ uliedha l-oħra kapaċi jieħdu l-virus id-dar, b’sogru għat-tifel b’diżabbiltà.

“Biex nibgħat lit-tfal l-oħra u jkunu fi klassi ta’ 25, ma tagħmilx sens … għax din mhix tolqot biss lit-tfal b’diżabbiltà, din tolqot lit-tfal l-oħra.”

Minkejja għadd ta’ mistoqsijiet indirizzati lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Rebecca tgħid li baqgħet mingħajr l-ebda tip ta’ risposta.

“Miniex xi waħda li ħriġt u iddivertejt. Ilna msakkrin ġewwa minn Marzu. Jiena t-tfal tiegħi bilkemm jiltaqgħu ma ħadd. Jiġifieri aħna xogħlna bħala familja għamilnih. Ma nippretendix li anke l-edukazzjoni tat-tfal se tisfratta.”

Dan qed iżid mal-pressjoni li qed jesperjenzaw il-ġenituri … għandhom jgħażlu li uliedhom jaqgħu lura fl-edukazzjoni jew li jissograw is-saħħa tagħhom?

“L-iskola mhux se tkun obligatorja, jiġifieri dawn qabdu farfru r-responsabbiltà kollha u ħallew lil parents jgħażlu bejn is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal.”

U t-tfal fl-iskejjel tal-Gvern baqgħu  fid-dlam …

“L-iskejjel tal-knejjes u tal-privat diġa’ kellhom meetings mal-parents. Aħna xejn, xejn. M’għandna idea ta’ xejn.”

B’hekk, il-ġenituri jibqgħu imfixklin dwar x’għandhom jagħmlu għall-ġid ta’ uliedhom mingħajr ebda appoġġ ta’ xejn.

“Mill-online mintiex se tieħu daqs kemm tieħu mill-iskola. Imma s-serħan tal-moħħ hu importanti wkoll. Jekk ikolli ngħażel bejn is-saħħa u l-edukazzjoni, is-saħħa tat-tfal ngħażel għax jekk it-tfal tiegħi mhux se jkunu b’saħħithom, l-edukazzjoni xorta waħda mhux se jieħduha.”