Lokali

“Il-PN b’ideat għall-ġid tal-poplu kollu” – Adrian Delia

Għal sena oħra, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tħejji Dokument ta’ Qabel il-Budget biex tara li twassal l-aħjar ideat possibbli għall-ġid tal-poplu kollu u biex pajjiżna jibda jirkupra verament.

Ħabbar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’kumment li xandar fuq Facebook. Hu qal li għal darb’oħra, l-ideat tal-Oppożizzjoni se jkunu ta’ sostenn u appoġġ għal kull Malti u Għawdxi, bis-soluzzjonijiet li pajjiżna għandu bżonn, anke fid-dawl tal-fatt li għandna Gvern tardiv u reattiv.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-isfidi li pajjiżna wkoll qed iħabbat wiċċu magħhom kawża tal-pandemija tal-Coronavirus. Qal li hu surreali li jkollok lill-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ jgħid li t-tieni mewġa tal-virus ma teżistix.

Dwar l-immigrazzjoni, qal li din hi sfida li qed toħloq biża’ fost il-Maltin u l-Għawdxin. Dan meta qal li se jkompli jitkellem għan-nies għax kulħadd qed jara li f’pajjiżna hawn wisq barranin.

Malta u Għawdex ma jifilħux aktar barranin, sotna Adrian Delia, li kompla li jekk mhux se naġixxu issa, se jkun tard wisq, meta bħalissa għandna 1,400 persuna għal kull kilometru kwadru.

Innota kif is-sitwazzjoni preżenti mhux ġusta lanqas għall-barranin infushom, li qed jispiċċaw ibatu mill-prekarjat u stil baxx ta’ ħajja kawżi tal-pagi inumani li jingħataw.

Hu tratta wkoll diversi sfidi speċifiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin. Primarjament, dawn jinsabu inkwetati ħafna li diversi wegħdiet ewlenin li għamel il-Partit Laburista għadhom ma twettqux.

Fl-istess waqt, stqarr li għandhom ikunu l-Għawdxin li jiddeċiedu dwar jekk issirx il-mina bejn iż-żewġ gżejjer u jekk din tkunx aċċessibbli mill-vetturi privati jew minn tal-massa biss.

Adrian Delia fakkar ukoll kif, wara disa’ xhur, Robert Abela għadu qatt ma aċċetta li jiddibatti miegħu. Bl-istess mod, hu tenna x-xewqa li jsir dibattitu wkoll matul il-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.