Lokali

L-Elezzjoni għal Kap tal-PN għat-3 ta’ Ottubru

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru jintemm il-proċess biex jinħatar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan fi tmiem proċess li beda fil-bidu ta’ Awwissu li għadda, meta l-Kunsill Ġenerali tal-Partit għażel li t-Tesserati jivvutaw biex jagħżlu Kap tal-Partit.

Għal din il-kontestazzjoni esprimew l-interess tagħhom il-Kap attwali Adrian Delia u l-Avukat Bernard Grech. Huma kellhom laqgħat fit-tul mal-Kummissjoni Kandidati, fejn kienu intervistati skont kif jitlob l-Istatut tal-Partit.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Kandidati spjegat li kkunsidrat ir-rapporti dwar id-diliġenza taż-żewġ persuni, li rċeviet mingħand panel ta’ esperti indipendenti li ħatret il-Kummissjoni stess.

Sussegwentament, fir-rapport iffirmat miċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati Colin Bowman, intqal li hi tal-fehma li kemm Adrian Delia kif ukoll Bernard Grech jistgħu jkunu Kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, kif jitlob l-Istatut.

Il-Kummissjoni rringrazzjat lill-membri tal-panel għax-xogħol li wettqu, filwaqt li rringrazzjat liż-żewġ Kandidati prospettivi għal koperazzjoni tagħhom.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni Elettorali, immexxija minn Peter Fenech, nediet il-proċess għall-elezzjoni ta’ Kap, f’kampanja ta’ tliet ġimgħat.  Kif jitlob l-Istatut tal-Partit, il-Kummissjoni qed tiftaħ in-nominazzjonijiet għal din il-kariġa, b’effett mill-Ħadd f’12pm sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa li ġej f’12pm.

In-nominazzjoni trid tkun sekondata minn għallinqas tliet membri tal-Grupp Parlamentari, ħames membri tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali, 10 membri tal-Kumitat Eżekuttiv, 50 membru tal-Kunsill Ġenerali u 50 Tesserat tal-Partit.

Ġie spjegat ukoll li bil-votazzjoni kmieni mifruxa fuq ħamest ijiem, bl-iskop li jkunu osservati d-direttivi tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.

Il-ġranet tal-votazzjoni kmieni se jkunu l-Ġimgħa 25 u s-Sibt 26 ta’ Settembru. L-Erbgħa 30 ta’ Settembru se ssir il-votazzjoni għall-persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà u għal dawk li jeħtieġu assistenza biex jivvutaw. Umbagħad, il-votazzjoni tkompli l-Ħamis 1, il-Ġimgħa 2 u t-s-Sibt 3 ta’ Ottubru.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li informazzjoni dettaljata dwar il-postijiet u l-ħinijiet tal-votazzjoni se jingħataw aktar tard. Barra minhekk, il-perjodu għat-tiġdid tat-Tesseri jagħlaq l-Erbgħa 23 ta’ Settembru fl-10am.