Lokali

Ma jintlibsux sew il-maskri fuq tal-linja

Dwar dan sar rapport lill-Pulizija.

Għadd ta’ persuni li qed jużaw it-trasport pubbliku mhumiex isegwu l-istruzzjonijiet li wieħed għandu jilbes il-maskra hekk kif jitla’ fuq tal-linja u jibqa’ biha tul il-vjaġġ kollu. Dawk li kkuntatjaw lil Net News qalu magħna li għamlu rapport lill-Pulizija dwar dan.

Dawn il-passiġġiera li kienu jinsabu fuq tal-linja bin-numri 45 u 48, liema rottot kienu sejrin lejn Buġibba f’żewġ ġranet differenti , jidhru ċar bil-maskra ma tgħattix l-imnieħer jew il-ħalq, b’uħud sempliċiment iżommuha taħt il-geddum. Oħrajn, saħansitra ma kienu libsin assolutament xejn li jgħatti l-imnieħer u l-ħalq. U dan kollu b’riskju għall-passiġġiera l-oħra li kien hemm abbord.

Dan qed iseħħ fuq diversi rottot.

Minn mindu bdiet il-pandemija, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci dejjem saħqet li huwa ta’ importanza l-ilbies tal-maskri b’mod speċjali f’postijiet pubbliċi bħal tal-linja.