Lokali

Mara ssofri ġrieħi serji f’ħabta bejn mutur u karozza

RITRATT: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni - Korp tal-Pulizija

Mara ta’ 31 sena residenti l-Gżira sofriet ġrieħi serji wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fiż-Żurrieq.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30p.m. fi Triq il-Belt Valletta, iż-Żurrieq. Mill-ewwel stħarriġ jirriżulta li seħħet ħabta bejn karozza Peugeot 107 misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena residenti ż-Żurrieq u mutur tat-tip Yamaha R1 misjuq mill-mara ta’ 31 sena.

Is-sewwieqa tal-mutur ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn iktar tard kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji. Bil-każ kienet informata l-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace li fetħet inkjesta, assistita minn numru ta’ esperti.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett taż-Żurrieq għadhom għaddejjin.