Lokali

“Partit b’saħħtu għal pajjiż b’saħħtu” – Bernard Grech

L-attiviżmu taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hu importanti … iżda għandna bżonn lil kulħadd, inkluż lil dawk il-persuni li tul is-snin wettqu sagrifiċċji kbar, f’ħidma għall-ideal tagħhom.

Dan qalu Bernard Grech, wieħed miż-żewġ persuni wrew interess għall-pożizzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista li saritlu s-Sibt filgħodu fuq NET FM. Matulha, hu qal li fil-Partit irid ikun hemm ħidma sħiħa bejn il-persuni minn kull faxxa ta’ età ħalli l-anzjani jittrażmettu l-ħeġġa li urew tul is-snin liż-żgħażagħ tagħna. Insista li dan irid jitwettaq biex ikollna partit, oppożizzjoni, gvern u pajjiż b’saħħithom.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-Coronavirus f’pajjiżna u ż-żieda fil-każijiet, b’mod partikolari l-każi fi djar tal-anzjani, kif ukoll it-tħassib tal-għalliema u l-ġenituri, hekk kif ninsabu fuq l-għatba ta’ sena akkademika ġdida, Bernard Grech wieġeb li ċ-ċittadini għandhom bżonn Prim Ministru li joffri assigurazzjoni u serħan il-moħħ.

Iżda dwar dan, Robert Abela qed jiddiżappunta għax ma jistax jibqa’ jidħaq bin-nies. Hu qal li d-diskors tal-Prim Ministru, li sostna li n-numri qed jonqsu, hu ta’ offiża għall-frontliners li fl-aħħar sitt xhur ħadmu b’tant sagrifiċċju. Rigward is-sitwazzjoni fl-Edukazzjoni, Grech qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora l-karba tal-edukaturi.

Bernard Grech kompla li fl-aħħar seba’ snin ta’ Gvern Laburista, is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna ggravat biex suppost ikabbar l-ekonomija minflok ħa ħsiebha kif suppost.

Huwa qal li mill-anqas 80,000 persuna ġew importati fil-Gżejjer Maltin bi pjan mingħajr viżjoni, b’politika bbażata fuq in-numri u mhux fuq l-interessi tal-poplu. Saħaq li l-akbar interess għalih, bħall-Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti, hu s-sigurtà u l-paċi f’Malta u f’Għawdex.

Bernard Grech qal li biex jintlaħqu dawn l-għanijiet trid tissawwar l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista u kulħadd irid iħossu parti minn dan it-tim, b’qawsalla ta’ ideat.

Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-ħaddiema fi ħdan Media.Link Communications, temm billi qal li rridu nirrikonoxxu b’mod sħiħ lil min iddedika ħajtu għall-ħidma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.