Lokali Mużika

Philip Vella jniedi album mużikali ġdid

Wara li sena ilu Philip Vella kien imħabbar rebbieħ tat-43 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu, il-kanzunetta rebbieħa, Il-Verità, kienet il-punt tat-tluq għal 60+, album ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, li ġie varjat b’mod il-Ġimgħa filgħaxija waqt l-44 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu.

“Min dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nagħmel album ta’ kanzunetti personali, bi stili ta’ mużika kif inħobb jien, mingħajr il-parametri ta’ kanzunetti li jridu jkunu addattati għall-festivals, kif kienu l-kanzunetta tal-albums preċedenti tiegħi. B’dan l-album, il-ħolma tiegħi saret realtà. Kelli ċ-ċans nesplora suġġetti li għandhom post ġewwa moħħi u ġewwa qalbi, kif ukoll stili ta’ mużika li nassoċja miegħi nnifsi, u fejn inħossni li jien komdu” jgħid il-kantawtur Mellieħi.

L-album 60+ jikkonsisti minn 13-il kanzunetta oriġinali, 12 li huma kompluti kemm b’mużika kif ukoll lirika, u 1 li hija biss strumentali u għaldaqstant m’għandhiex lirika. Kull kanzunetta ġiet produċuta minn iben il-kantawtur, Sean Vella. Intant, fir-rigward tal-lirika, Philip jgħid hekk “lawturi li offrewli l-lirika tagħhom għal dan l-album huma Alfred C. Sant, il-Professur Joe Friġġieri, L-Onor. Evarist Bartolo, Joe Chircop u Paul Ellul”.

Apparti t-tnedija tal-album, Philip nieda wkoll Ġenna u Infern, il-5 kanzunetta mill-album wara Allura, Il-Verità, Rajt Raġel u l-aktar waħda riċenti, Pa. Din il-kanzunetta l-ġdida ħa jkollkom iċ-ċans tisimgħu fuq diversi stazjonijiet tar-radju kif ukoll fuq programmi televiżivi fil-jiem li ġejjin.

“Nixtieq ngħid grazzi lil Manfred Holz f’isem CAP-Sounds, li minħabba fih l-album 60+ jista’ jinxtara u jindaqq fuq diversi pjattaformi diġitali fosthom: iTunes, Apple Music, Spotify, u Amazon kif ukoll lil Marc Calleja Bayliss f’isem Ironic PR & Artist Management li ħa ħsieb kull elementi ta’ promozzjoni”.