Lokali

Stqarrija mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN

Il-Kummissjoni Elettorali għamlet referenza għall-post imtella’ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tard dalgħodu dwar l-intervista ta’ Dr Bernard Grech illum fuq NET FM. Il-fatti huma s-segwenti:

Minn mindu Dr Delia u Dr Grech iddikjaraw l-interess tagħhom li jkunu kandidati fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit, il-Kummissjoni Elettorali kellha issegwi l-provvedimenti tal-Istatut u tar-Regolamenti magħmula taħtu. 

Artikolu 151 (2)  tal-Istatut jipprovdi li “Il-Kummissjoni għandha tassigura li kwalsijasi kampanja elettorali għal xi kariga fil-partit isseħħ b’mod korrett minn kull min ikun involut u li l-media tal-partit tkun indipendenti u imparzjali fil-konfront tal-kandidati involuti u għal dan l-iskop għandha d-dritt tagħti d-direttivi meħtieġa.” Ir-regoli (Regolament 13) approvati mill-Kumitat Eżekuttiv u sussegwentement mill-Kunsill Ġenerali jirrikjedu l-Kummissjoni Elettorali kellha tassigura li kull riżors, media soċjali u media tal-Partit Nazzjonalista jiġu użati bl-approvazzjoni tagħha b’mod ugwali, ġust u għal kollox bilanċjat.

Minkejja ċ-ċirkostanzi speċjali li għaddej minnhom il-Partit Nazzjonalista bħalissa, u minkejja li l-Kummissjoni Elettorali qed twettaq l-obbligu li tassigura bilanċ fir-rigward taż-żewġ kandidati fl-użu tal-ħin u faċilità fuq il-mezzi tax-xandir tal-PN, l-Kummissjoni saħqet li dejjem għarfet l-irwol ta’ Dr Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fl-istqarrija ġie spjegat li matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Kummissjoni Elettorali ħarġet skeda ġimgħa b’ġimgħa ta’ programmi li jibbilanċjaw ix-xandir bejn il-persuni li ddikjaraw l-interess tagħhom, filwaqt li ma ċaħdet qatt lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jitkellem fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista u jiġi rappurtat.

Ġie spjegat ukoll li fit-3 ta’ Settembru il-Kummissjoni Elettorali ċċirkolat l-iskeda għal din il-ġimgħa li kienet tinkludi nofs siegħa għal kull persuna, ċioe’ Dr Adrian Delia u Dr Bernard Grech fuq il-programm tar-radju NET FM dalgħodu. Kienet ukoll qiegħda talterna biex darba jibda wieħed u d-darba ta’ wara jibda l-ieħor.

Il-Kummissjoni Elttorali spjegat li fuq talba ta’ Dr Delia lbieraħ filgħaxija il-Kummissjoni Elettorali rrrikonoxxiet li Dr Delia xtaq jitkellem bħala Kap tal-Oppożizzjoni fl-istess programm u pproponiet li flok l-intervent tiegħu jkun ta’ 30 minuta u jibda fil-11.00 jingħata kwarta aktar fil-ħin u jibda jitkellem fil-10:45. Dalgħodu stess Dr Delia bagħat jinforma li din il-kwarta ma kienx se jeħodha. Sussegwentament hu insista li jitkellem fil-11:30 bi dritt bhala Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kummissjoni Elettorali saħqet li ma setgħetx taċċetta din il-pożizzjoni.