Futbol Sport

Tliet gowls ta’ Salah jagħtu rebħa diffiċli lil Liverpool fuq Leeds United

(Ritratt: Liverpool FC)

F’partita mimlija gowls Liverpool għelbu lil Leeds United 4-3. Kienu Liverpool li marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti meta ngħataw penalty wara li Robin Koch deher imiss l-ballun b’idu. MOHAMED SALAH minn ħdax –il metru ma żbaljax. Leeds irrispondew b’azzjoni personali ta’ JACK HARRISON wara li rċieva pass fit-tul mingħand Kalvin Philips. Liverpool reġgħu marru fil-vantaġġ fl-20 minuta meta minn corner ta’ Robertson kien VIRGIL VAN DIJK li skorja b’daqqa ta’ ras.

It-tim ta’ Marco Bielsa ġab id-draw man-nofsiegħa logħob meta PATRICK BAMFORD  approfitta minn żball ta’ Van Dijk biex qabbeż minfuq Alisson. Tliet minuti biss wara, Liverpool reġgħu skorjaw permezz ta’ konklużjoni b’saħħita ta’ MOHAMED SALAH. Fit-tieni taqsima l-partita kompliet b’aktar azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, iżda kienu Leeds li ġabu d-draw meta wara azzjonijiet maħduma tajjeb, kien MATEUSZ KLICH li kkonkluda b’mod b’saħħtu wara Alisson. Liverpool skorjaw l-gowl tar-rebħa fis-87 minuta wara li ngħataw it-tieni penalty tal-partita permezz ta’ MOHOMED SALAH li għaqqad il-hatrick.

F’Selhurst Park, Crystal Palace bdew l-istaġun b’rebħa wkoll wara li għelbu lil Southampton 1-0. Kien WILFRED ZAHA li wara 13 –il minuta fetaħ l-iskor b’konklużjoni tajba wara li rċieva cross tajjeb mingħand Andros Townsed. Fit-tieni taqsima, Kyle Walker-Peters ntwera l-karta l-ħamra liema tkeċċija ġiet revokata wara li r-referee kkonsulta mal-VAR. It-tim ta’ Roy Hodgson ħaseb li rdoppja fit-82 minuta permezz ta’ Wilfred Zaha iżda l-gowl ġie mħassar permezz tal-VAR wara li Zaha kien f’pożizzjoni ta’ offside. Southampton setgħu ġabu d-draw fis-96 minuta meta d-daqqa ta’ ras ta’ Danny Ings kienet salvata minn Guaita.