Sport Waterpolo

Wirja superlattiva minn Exiles

(Ritratt: Exiles Sports Club)

Stewart Said

SIRENS MECCA MARIN…………… 7

EXILES FERRETTI………………….. 13

(2-3), (0-4), (0-5), (5-1)

Minkejja li l-iskor finali jindika rebħa kbira għal Exiles, id-distakk bejn iż-żewġ timijiet kien ikun ikbar kieku Sirens ma għamlux l-iskor ftit rispettabbli fl-aħħar sessjoni. Prestazzjoni mill-aqwa ta’ Exiles li għarfu jwettqu reazzjoni wara li kienu megħluba 6-4 il-Ħamis li għadda.

Sirens iridu jinsew din il-logħba malajr kemm jista’ jkun, biż-żewġ timijiet jilagħbu l-logħba deċiżiva għal min se jilgħab kontra San Ġiljan it-Tlieta li ġej. Sirens ma kinux mentalment kapaċi li jwieġbu għar-reazzjoni mill-aqwa ta’ Exiles fl-ewwel sessjoni.

Ironikament kienu Sirens li marru 2-0 minn fuq b’gowls ta’ Matthew Sciberras, Matthias Azzopardi. Minn hemm bdiet storja hekk kif Exiles irnexxielhom idawru l-iżvantaġġ għal vantaġġ ta’ 3-2 b’gowls ta’ Mark Fenech, Kurt Griscti u Aurelien Cousin.

Il-logħba mit-tieni sessjoni ħadet xejra kompletament differenti, b’Exiles jiskorjaw erba’ gowls mingħajr risposta għal vantaġġ ta’ 7-2. Exiles mhux biss skorjaw iżda kienu solidi u kompatti fid-difiża. Għal kuntrarju, Sirens kienu fqar fl-ideat fl-attakk u bdew jippermettu wisq spazji fid-difiża.

Minħabba kif żvolġiet it-tieni sessjoni, kienet mistennija reazzjoni minn Sirens. Madankollu kienu Exiles li għalqu, b’ħames gowls oħra bla risposta filwaqt li Sirens dehru maħsuda. L-unika konsolazzjoni għat-tim minn San Pawl il-Baħar kienet li fl-aħħar sessjoni għamlu l-iskor ftit rispettabbli.

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan, G. Melillo, J. Zerafa Gregory (1), T. Said (2), L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (1), O. Gauci, G. Farrugia (1), G. Sammut (1)

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (1), A. Magri, P. Paris, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (5), K. Griscti (3), N. Paris (1), A. Cousin (2), S. Apap, D. Fenech, G. Borg

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

Sliema faċilment fis-semifinali

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……… 4

SLIEMA FRANK SALT…………… 12

(1-2), (1-3), (1-5), (1-2)

Sliema Frank Salt assiguraw posthom fis-semifinali tal-play-offs. Kif mistenni rebħu t-tieni logħba minn possibbiltà ta’ tlieta kontra Birżebbuġa u fis-semifinali jaffrontaw lir-rivali Neptunes.

Għal Birżebbuġa dan kien it-tmiem tal-kampjonat filwaqt li jippreparaw għan-knock-out. Minkejja li sabuha diffiċli fit-tieni fażi tal-istaġun, Birżebbuġa xorta jqisu dan l-istaġun bħala pożittiv hekk kif irnexxielhom jilagħbu fil-Kampjonat Premier.

Jerome Gabarretta ta vantaġġ doppju lil Sliema filwaqt li Julian Farrugia naqqas id-distakk. Is-Slimiżi rnexxielhom jibnu vantaġġ tajjeb ta’ 5-1 fit-tieni sessjoni.

L-ewwel permezz ta’ penalty ta’ Michael Spiteri, imbagħad Mark Meli ħabbat il-ballun quddiem Rossi biex Jacob Sciberras skorja minn angolu ristrett. David Cutajar wieġeb għal Birżebbuġa b’xutt preċiż mid-distanza.

Is-Slimiżi neħħew kull dubju mir-riżultat fit-tielet sessjoni meta skorjaw erba’ gowls konsekuttivi u għamlu l-iskor 10-3, bil-veteran John Soler iniżżel ismu fost l-iskorers. Sliema amministraw il-logħba fl-aħħar sessjoni b’doppjetta ta’ Nicholas Bugelli, b’Simon Vassallo jiskorja l-aħħar gowl tal-konfront għal Birżebbuġa.

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (2), N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar (1), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, Z. Bartolo

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (3), L. Galea, J. Sciberras (1), M. Meli (1), B. Cachia (1), M. Spiteri Staines (1), J. Soler (2), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (2), Z. Sciberras

Referees: Alex de Raffaele, Ronnie Spiteri