Fl-Irlanda ta’ Fuq hemm preokkupazzjoni kbira għar-ritorn tal-istudenti lura l-Università għaliex numru sostanzjali minnhom, li jistudjaw fl-ibliet Irlandiżi fost il-ġimgħa, jirritornaw lura fil-komunitajiet fi tmiem il-ġimgħa, bir-riskju li t-tixrid tal-COVID-19 jinfirex faċilment fl-irħula ta’ din il-provinċja Brittanika.
L-istess tħassib qed jinħass fl-Italja hekk kif Kumitat Xjentifiku Tekniku qed jistma li r-rata ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 fl-Italja se żżid b’madwar 0.4 għar-rata 2.25 minhabba ir-ritorn tal-istudenti fuq il-bank tal-iskola.
Il-President tar-Reġjun ta’ Campagna, Vincenzo De Luca, stqarr illi jinsab xettiku ferm dwar il-ftuħ tal-iskejjel għaliex għad hemm ħafna mistoqsijiet x’għad iridu jiġu mwieġba mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, fosthom dwar in-numru ta’ bankijiet li se jkun fil-klassi għall-istudenti u kemm se jkun hemm għalliema jgħallmu.
Fir-Renju Unit, il-Gvern kiteb lid-djar tal-anzjani javżahom li mistennija żieda qawwija fl-infezzjonijiet fost l-anzjani f’dawn id-djar, wara li tħabbru ammonti kbar ta’ każi pożittivi għall-Coronvirus fost l-istaff, bid-Dipartiment tas-Saħħa jħeġġeġ lit-tmexxija tad-djar jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jipprevjenu u jillimitaw il-firxa tal-virus.
Dan hekk kif il-pajjiż jinsab f’riskju li jidħol f’lockdown nazzjonali f’qasir żmien kemm-il darba l-poplu ma jħarisx ir-restrizzjonijiet eżistenti b’rabta mal-COVID-19 minnufih.
Franza rat l-akbar ammont ta’ każi ġodda rreġistrati f’ġurnata waħda mill-bidu tal-pandemija hekk kif il-pajjiż qed jitħabat biex jikkontrolla l-ispike l-ġdida ta’ infezzjonijiet. L-awtoritajiet tas-saħħa is-Sibt irrappurtaw aktar minn 10,500 każ ġdid ta’ COVID-19, bil-persuni li jkollhom jirrikorru għall-kura fl-isptarijiet, saħansitra għall-kura internsiva, jiżdiedu sostanzjalment ukoll.
Leġislazzjoni li daħħlet fis-seħħ fl-Irlanda tat il-poteri legali lill-Pulizija sabiex tagħlaq lir-ristoranti u pubs li ma jħarsux il-protokolli b’rabta mal-COVID-19. Dan wara li aktar minn nofs il-każijiet ġodda li ġew irreġistrati l-ġimgħa fil-pajjiż kienu kkonċentrati fil-kapitali, Dublin, bil-Prim Ministru Irlandiż iwissi li l-Gvern mhux se jiddejjaq jimpliment aktar restrizzjonijiet speċjali fl-istess belt.
U fl-Indja, ġew irrappurtati kważi 100,000 każ ġdid ta’ Coronavirus fl-aħħar 24 siegħa, qabża rekord għall-pajjiż għat-tieni jum konsekuttiv biex it-total issa jaqbeż l-4.65 miljun persuna li ttestjaw pożittiv mill-bidu tal-pandemija fil-pajjiż. Għalkemm ir-rata t’infezzjoni hija l-ogħla waħda fid-dinja, hija biss l-Istati Uniti li taqbeż lill-Indja fit-total ta’ każijiet, bil-figura Amerikana taqbeż is-6.4 miljun persuna.
//= $special ?>