Coronavirus Festi Knisja Kultura Lokali Mużika

Festa li tiġbed lid-devoti minkejja l-pandemija

Iż-Żabbarin jiċċelebraw il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja f’din it-tmiem il-ġimgħa

F’pajjiżna, Ħadd fuq it-8 ta’ Settembru huwa intrinsikament marbut mal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, biż-Żabbarin jiċċelebraw b’pompa dina l-festa anki madwar Malta bil-Pellegrinaġġ Nazzjonali tar-roti u l-muturi.

Iżda din is-sena, it-toroq kienu vojta min-nies u għera mir-roti u l-muturi tal-pellegrinaġġ, bid-devoti jirrikorru għall-faraġ ta’ Marija fi żmien ta’ pandemija bil-festa interna fis-Santwarju tagħha, kif spjega aħjar l-Arċipriet, il-Kanonku Evan Caruana:

“Kellna aktar ċans biex nikkonċentraw fuq dak li hu spiritwali. X’inhu l-messaġġ ta’ Marija għalina llum fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom? Għalhekk irridu nidħlu daħla fin nfsuna u naraw fiex nistgħu nimitawha aktar hekk kif għandna anqas aljenazzjonijiet minn qabel. Għalkemm l-attivitajiet esterni huma dejjem tajbin u dejjem ta’ min nipparteċipaw fihom b’mod moderat għaliex hija ħaġa sabiħa. Imma fl-istess ħin, din is-sena konna aktar kalmi mis-soltu.”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

L-Arċipriet irrimarka kif il-Festa tal-Grazzja normalment tiġi ċċelebrata fuq firxa akbar ta’ ġranet, kemm fil-Knisja kif ukoll fuq barra bis-sehem taż-żewġ baned, is-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae u l-Għaqda Madonna tal-Grazzja, Banda San Mikiel:

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Hawnhekk hija festa pjuttost daqsxejn itwal minn ta’ ħaddieħor għax tieħu żmien konsiderevoli. Għandek 2 pellegrinaġġi tar-roti u l-muturi, tat-tfal u tal-kbar. Għandek il-preżentazzjoni tat-trabi u tat-tfal tista’ tgħid jiġu minn Malta kollha, ikollok numri kbar. Il-festa tal-anzjani l-istess, ikollok numri kbar. Għandek il-marċi, ukoll, is-soltu jattiraw ħafna nies minn postijiet oħra. Iġifieri din is-sena ġiet ridotta ħafna.”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Is-Santwarju kellu jiċċaħħad mill-ifjen libsa tiegħu kawża tal-pandemija, hekk kif l-armar ma ntramax kollu iżda dak essenzjali biss. Minkejja dan, id-devoti tal-Madonna tal-Grazzja xorta żaru l-Knisja f’din it-tmiem il-ġimgħa hekk kif fakkar kif id-devozzjoni tagħha f’Malta hija kbira ħafna:

 “Kieku llejla fil-pellegrinaġġ kien hawn l-eluf u l-eluf ta’ nies. Ħaġa li tiskantak li mill-Ħruġ tal-Vara fuq iz-zuntier sad-dħul, it-toroq kollha mimlijin bin-nies. Ma nafx minn fejn jiġu hekk kif it-toroq ikunu kollha mimlijin bil-karrozzi pparkjati, anki ’l-bogħod, din is-sena l-Madonna mhijiex ħierġa u allura naħseb li kulħadd minn djaru, jew min ikun il-Knisja, għandu jagħmel talba f’qalbu ta’ ringrazzjament lil Marija u fl-istess ħin jirrikorru lejha b’xi talbiet li jkollhom bżonn.”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’Jum il-Festa filgħodu, fil-Knisja Arċipretali nżammet il-Quddiesa Solenni tal-Festa bil-paniġierku ta’ tifħir lill-Patruna taż-Żabbarin filwaqt li filgħaxija saret konċelebrazzjoni segwita bir-ripożizzjoni tar-relikwa.

Ta’ min jirrimarka li fil-ġimgħa tal-festa saru numru ta’ inizjattivi mill-poplu Żabbari fosthom mixgħela b’1,400 xemgħa kkulurita fuq iz-zuntier tal-Knisja tan-Nome di Maria Lejlet il-Festa u carcade bi xbieha tal-kwadru nkurunat tal-Madonna tal-Grazzja f’Jum il-Festa filgħaxija.

Ritratt: Knisja Arċipretali Madonna tal-Grazzja

Id-devozzjoni lejn il-Fawwara tal-Grazzji hija mifruxa ukoll f’diversi bnadi oħra fil-gżejjer Maltin, b’mod partikolari f’Ħaż-Żebbuġ u anki fil-Knisja tal-Kapuċċini r-Rabat, Għawdex, liema festa tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej.

Ritratt: Wayne Bonello