Lokali

“Id-Dar tal-Providenza monument tal-ħniena”

Waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-55 Anniversarju tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva d-Dar bħala “monument tal-ħniena”. Huwa żied jgħid li meta Dun Mikiel, il-fundatur tagħha, laqa’ l-ewwel residenti fid-Dar tas-Siġġiewi laqagħhom b’ħarsa ta’ ħniena mhux għax imsieken imma għax ried li l-għożża li d-Dar dejjem ikollha lejn ir-residenti tagħha tkun mera tal-għożża li Alla għandu lejn il-bniedem.

Kien propju fit-12 ta’ Settembru 1965 meta Dun Mikiel, kien qasam mas-semmiegħa tiegħu fuq programm li kellu fuq ir-Rediffusion ix-xewqa tiegħu li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità.  Wara l-programm waħda mara marret issibu u tagħtu l-ewwel donazzjoni biex jibda jirrealizza b’mod konkret din il-ħolma kif fil-fatt għamel.  Dun Mikiel dejjem żamm din id-data bħala Jum it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li mbagħad fetħet il-bibien tagħha fil-11 ta’ Frar 1968.

Dan l-anniversarju, ta’ ħamsa u ħamsin sena ta’ ħidma b’sens qawwi ta’ mħabba, dedikazzjoni u servizz lil persuni b’diżabilità li tul dawn is-snin kellhom bżonn servizz residenzjali, kien imfakkar il-Ħadd, 13 tax-xahar b’quddiesa  fil-kappella tad-Dar tal-Providenza li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof Scicluna megħjun minn Fr Trevor Fairclough u Fr Lino Cardona SJ. 

L-Arċisqof irringrazzja lill-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella għall-preżenza u s-solidarjetà tagħhom kif ukoll għall-appoġġ li l-Istat jagħti għall-għaqdiet li jeħtiġuh. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, Marija Deguara, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, John M. Cachia u rappreżentanza tas-Sorijiet tal-Karità.

Imma dan il-55 Anniversarju żgur li se jibqa’ miftakar minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija li ħakmet lil Malta u lid-dinja. COVID-19 kien u għadu ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji tad-Dar.  Biex jiġu salvagwardjati s-sikurezza u l-benesseri tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema, id-Dar osservat u ħaddmet il-protokolli kollha adottati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Residenti, qraba u ħaddiema kellhom jadattaw ruħhom għal arranġamenti ta’ sigurtà li ddaħħlu f’diversi miżuri sa minn Marzu li għadda.  Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof appella biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija kull min jista’ għandu jgħin finanzjarjament lil ħafna organizzazzjonijiet li hawn, fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.

L-għan tad-Dar tal-Providenza minn dejjem kien li toffri ambjent familjari għall-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Tul is-snin, dan is-servizz li jħares ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom ma setax ikun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ li ma qata’ qatt tal-Maltin u l-Għawdxin kollha permezz ta’ għajnuna kemm volontarja kif ukoll finanzjarja.

Illum, ħamsa u ħamsin sena wara, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar żgħar oħra fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq waqt li dar oħra fil-Balluta qed tistenna li tiġi nawgurata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa, fis-seba’ residenzi, jgħixu mija u ħmistax-il persuna, kollha b’diversi forom ta’ diżabilità, b’etajiet li jvarjaw bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu madwar il-ħames miljun ewro fis-sena.