Coronavirus Lokali Saħħa

Ir-residenti fid-Djar tal-Anzjani għandhom joħorġu biss għall-kura jew appuntamenti mediċi

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Familja ntqal li wara l-aħħar żviluppi fejn kien hemm żieda sostanzjali ta’ każi attivi ta’ coronavirus fid-Djar tal-Anzjani, l-Awtorità tal-iStandards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ċirkulari li tgħid li kull kap ta’ dar tal-anzjani għandu jiżgura li r-residenti joħorġu mid-dar biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika.

Fl-istqarrija kien konfermat li bħalissa hemm erbat idjar tal-anzjani, li huma s-Simblija, Casa Antonia, Casa San Paolo u Residenza San Ġużepp, li għandhom każi pożittivi tal-COVID-19 b’total ta’ 57 każi attivi ta’ residenti. Iżda hemm possibbiltà kbira li dawn iċ-ċifri huma ferm akbar għax skont informazzjoni li għandu netnews.com.mt, in-numri rapportati mill-Ministeru tal-Familja mhux jaqblu mal-figuri attwali.