Internazzjonali

Ir-Russja: Jivvutaw f’elezzjonijiet sinifikanti għall-Kremlin

Il-votanti fid-diversi bnadi tar-Russja qed jivvutaw f’għexieren ta’ elezzjonijiet lokali meqjusa bħala eżami serja u sinifikanti għall-Partit tar-Russja Magħquda li hu sostenitur tal-Kremlin ta’ Moska.

Mal-160,000 kandidat qed jikkuntestaw għal siġġu fl-assemblej lokali, bil-poplu qed jeleġġi wkoll il-Gvernaturi ta’ ħafna reġjuni.

Il-votazzjoni fir-Russja għandha wkoll sinifikat speċjali għaliex qed issir ftit ġimgħat biss wara s-suspettat ivvelenar ta’ Alexei Navalny, il-Kap ewlieni tal-Oppożizzjoni Russa, bis-sustanza Novichok.

L-attivisti ma’ Navalny qed jinsistu li l-ivvelenar sar fuq id-direttiva speċifika tal-President Russu, Vladimir Putin – bil-Kremlin jiċħad kategorikament li dan hu minnu,

Navalny, li kien marad sew fir-Russja fl-20 ta’ Awwissu, bħalissa qed jingħata l-kura fil-Ġermanja. Dan meta t-tobba fl-isptar ta’ Charite, f’Berlin, qalu li l-kundizzjoni tiegħu qed titjieb, bil-mod, il-mod, wara li kien għamel żmien f’koma.

Alexei Navalny, qabel marad, kien qed jappoġġja lill-avversarji politiċi tal-Partit tar-Russja Magħquda u fejn irrefera diversi drabi għal dan il-partit bħala ‘klikka ta’ ħallelin’. Hu u l-attivisti tiegħu, intant, ħeġġew biex ir-Russi jivvutaw ‘fuq il-bażi ta’ tattika bil-għan li jgħinu lill-kandidati bl-aħjar ċans li jegħlbu lir-rappreżentanti tal-partit li qed jappoġġja lil Putin.

Fil-votazzjoni tar-Russja qed jieħdu sehem, fost oħrajn, il-kandidati affiljati ma’ Navalny waqt li f’reġjuni oħra qed jikkuntestaw ukoll il-kandidati komunisti u ‘nazzjonalisti’’.

L-attivisti ta’ Navalny, fl-istess ħin, jemmnu li l-progress tal-kampanja politika tiegħu seta’ kien ir-raġuni għalfejn hu spiċċa attakkat. Dan meta l-Partit tar- Russja Magħquda qed jitlef dejjem aktar popolarità, meta qed ikun assoċjat ma’ riforma kontroversjali fis-settur tal-pensjonijiet; tnaqqis fid-dħul tar-Russi u korruzzjoni.

Il-kummissjoni elettorali tar-Russja permettiet proċess ta’ votazzjoni bikri fil-11 u t-12 ta’ Settembru minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Intant, għexieren ta’ miljuni ta’ votanti huma maqsumin tul ħdax-il time zone f’dan il-pajjiż.

L-elezzjonijiet lokali huma anki l-ewwel elezzjonijiet mill-approvazzjoni – fir-referendum ta’ Lulju —  tar-riformi kontroversjali fil-Kostituzzjoni tar-Russja li jippermettu biex Putin jibqa’ fil-poter sal-2036.