Internazzjonali

ITALJA: Jikber it-tħassib minħabba l-iskejjel

Il-Kumitat Xjentifiku Taljan qed jistma li r-rata ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 fl-Italja se żżid b’madwar 0.4 għar-rata 2.25 minhabba ir-ritorn tal-istudenti fuq il-bank tal-iskola.

L-istess Kumitat appella lill-awtoritajiet biex fost il-miżuri li għandhom jiġu addottati bil-ftuħ tal-iskejjel, ikun hemm il-ħtieġa tal-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanzi soċjali kif ukoll li t-tfal ma jinġabrux f’ġemgħat kbar.

Iżda l-President tar-Reġjun ta’ Campagna, Vincenzo De Luca, stqarr illi jinsab xettiku ferm dwar il-ftuħ tal-iskejjel għaliex għad hemm ħafna mistoqsijiet x’għad iridu jiġu mwieġba mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, fosthom dwar in-numru ta’ bankijiet li se jkun fil-klassi għall-istudenti u kemm se jkun hemm għalliema jgħallmu.

Fl-aħħar 24 siegħa, fl-Italja mietu 6 persuni bil-COVID-19 filwaqt li ġew irreġistrati aktar minn 1,500 każ ġdid biex il-każi totali mill-bidu tal-pandemija fi Frar issa jaqbżu il-286,000.