Lokali

Jingħataw ‘nifs’ ta’ 18-il sena

L-Electrogas ingħatat b’mod sigriet, ċans ta’ 18-il sena biex tħallas €18-il miljun f’danni dovuti lill-Enemalta bħala kumpens għad-dewmien fit-twettieq tal-proġett tal-Power Station il-gdida,

Skont emails żvelati l-Ħadd mit-Times of Malta, il-Gvern żamm dan il-ftehim moħbi għal kollox. Iżda f’rapport li ħareġ fl-2018, l-Awditur Ġenerali kien saħaq li hemm dubji kbar dwar kemm it-18-il mijun ewro kienu qegħdin jitħallsu, peress li ma kienet qed tingħata ebda informazzjoni min-naħa tal-Enemalta.

Interessanti l-fatt illi l-eks Ministru Konrad Mizzi, waqt diskors fil-Parlament li sar fi Frar tal-2017, kien ta l-impressjoni li l-Gvern kellu kollox taħt kontroll fir-rigward tal-ħlasijiet pendneti minn naha tal-Electrogas…marbuta ma’ dan il-proġett.

It-Times kienet żvelat ukoll illi Konrad Mizzi u l-eks chief of staff Keith Schembri kienu allegatament irċevew 2 miljun dollaru mingħand l-eks Direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech tramite l-kumpanija sigrieta 17 Black – akkuzi li Schembri u Mizzi qed jiċħdu.

Emails li kienu għad-disposizzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fix-xhur ta’ qabel l-assassinju tagħha, tefgħu dawl fuq il-miljuni li kien hemm pendenti minn naħa tal-Electrogas.

Jidher ukoll li fis-sena 2017, l-Electrogas ma kinitx f’pożizzjoni finanzjarja biex tħallas dawn it-18-il muljun ewro.

Il-Gvern b’mod sigriet qabel li jestendi l-garanzija fuq is-self ftit qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017, fejn ta lill-Electrogas ftit xhur oħra biex jiffinalizzaw in-negozjati pendenti mal-Enemalta. 

Il-powerstation tal-gass kienet wegħda ewlenija li biha l-PL rebaħ il-Gvern fl-2013; wegħda li rriżultat f’wieħed mill-akbar skandli li qatt affċċja pajjiżna.