Lokali

L-elezzjoni se ssir fit-3 ta’ Ottubru

Is-Sibt 3 ta’ Ottubru jintemm il-proċess biex jinħatar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan wara li fl-aħħar sigħat il-Kummissjoni Kandidati spjegat li kkunsidrat ir-rapporti tad-Due Dilligence ta’ Adrian Delia u Bernard Grech wara li dan il-proċess kien konkluż mill-panel ta’ esperti indipendenti li ħatret il-Kummissjoni stess.

Dan jwassal għat-tmiem ta’ proċess importanti ieħor li se jwassal għal Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit li se ssir fit-3 ta’ Ottubru. Il-proċess li kien beda fil-bidu ta’ Awwissu li għadda, qed jitmexxa mill-President tal-Kummisjoni Elettorali, Peter Fenech. Hu spjega li l-pass li jmiss hu li ż-żewġ persuni li wrew interess jimlew id-dokumenti neċessarji biex b’mod uffiċċjali jsiru kandidati. Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li Adrian Delia u Bernard Grech ġabru l-formoli neċessarji appena fetaħ iż-żmien biex jagħmlu dan. Il-Kummissjoni fetħet in-nominazzjonijiet għal din il-kariġa, b’effett mill-Ħadd f’12pm sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa li ġej f’12pm.

In-nominazzjoni trid tkun sekondata minn għallinqas tliet membri tal-Grupp Parlamentari, ħames membri tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali, 10 membri tal-Kumitat Eżekuttiv, 50 membru tal-Kunsill Ġenerali u 50 Tesserat tal-Partit.

Il-votazzjoni kmieni se tkun mifruxa fuq ħamest ijiem bejn il-25 ta’ Settemrbu u t-2 ta’ Ottubru. Il-Kummissjoni Elettorali qalet li informazzjoni dettaljata dwar il-postijiet u l-ħinijiet tal-votazzjoni se jingħataw aktar tard. Barra minhekk, il-perjodu għat-tiġdid tat-Tesseri jagħlaq l-Erbgħa 23 ta’ Settembru fl-10am.