Internazzjonali

Niżlu l-art fl-Italja wara 40 jum fuq il-baħar

Grupp ta’ immigranti li kienu salvati minn tanker li qed ibaħħar taħt reġistrazzjoni Daniża ngħataw il-permess biex jinżlu l-Italja wara aktar minn 40 jum fuq il-baħar.

Il-missjoni ta’ salvataġġ saret f’zona tal-Mediterran wara li l-grupp ta’ 27 – li kienu jinkludu mara tqila – kienu telqu mil-Libja fit-2 ta’ Awwissu li għadda.

Intant, it-tanker bl-isem Maersk Etienne salva lil dawn l-immigranti ftit wara t-tluq tagħhom mil-Libja – u f’ħin meta l-opra tal-baħar li kienu fuqha kien viċin li jegħreq.

Madankollu l-ekwipaġġ tat-tanker kien baqa’ miċħud il-permess biex jitfa’ l-ankri f’xi pajjiż għal aktar minn xahar. Dan sakemm l-immigranti, sa fl-aħħar, setgħu jiżbarkaw fi Sqallija matul il-lejl tas-Sibt.

Qabel l-iżbark, l-immigranti kienu ġew trasferiti għal fuq bastiment ta’ NGO bl-isem Mediterranea Saving Humans u li, imbagħad, wassalhom fil-port ta’ Pozzallo. Il-membri tal-Mediterranea, wara, kitbu fuq Twitter li ‘l-iżbark ta’ dawn l-immigranti kkonkluda l-itwal kriżi umana ta’ dan it-tip fl-istorja marittima tal-Ewropa.’.

L-aħħar żviluppi seħħew fl-istess żmien meta l-Greċja qed tipprova tlaħħaq mas-sitwazzjoni ta’ aktar minn 12,000 immigrant fuq il-gżira ta’ Lesbos. Dan wara li l-kamp ta’ Moria, fejn kienu qed jinżammu l-eluf tar-refuġjati, spiċċa meqrud min-nirien xi jiem ilu.