Lokali

Raġel jinstab mejjet f’karozza f’Birkirkara

Jidher li miet mewta naturali

Raġel li l-identita tiegħu għadha mhux magħrufa instab mejjet f’karozza fi Triq il-Kbira Ħas-Sajjied f’Birkirkara biswit il-Każin tal-Banda Sant Elena, jidher li r-raġel miet mewta naturali.

Nies minn Birkirkara li tkellmu ma’ Net News qalulna li r-raġel ma kellux saqaf fuq rasu, u kien jorqod fejn isib.

Il-vettura jidher li hi proprjeta ta’ ħabib tal-vittma li kien wieħed minn dawk li dejjem għenu lir-ragel bil-mod kif setgħu.

Fuq il-post waslu l-Pulizija mis-sezzjoni tar-reati maġġuri li għaddejin b’ħidma konġunta mal-Pulizija tad-distrett.

Dan il-każ, li fuqu nfetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, ikompli jixħet dawl fuq is-sitwazzjoni ta’ persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Skont ċifri maħruġa f’Ottubru li għadda mill-Eurostat, f’pajjiżna hawn madwar 90 elf persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Dan ifisser li sfortunatament kawża tal-kriżi pandemika li ninsabu fiha preżentament din ir-rata jaf tiżdied minħabba n-numru ta’ persuni li qed jitilfu jew qiegħdin f’riskju li jitilfu xogħolhom.