Internazzjonali

Renju Unit: Jinterċettaw ajruplani tar-Russja li ‘invadewlhom l-ispazju tal-ajru’

Ajruplani militari tal-RAF interċettaw żewġ ajruplani tar-Russja li kienu għaddejjin ftit ‘il hinn mill-kosta tal-Iskozja u li kienu ‘daħlu fiz-zona tal-ispazju tal-ajru internazzjonali li hi kontrollata mir-Renju Unit’.

Intant, wieħed mill-ajruplani tar-Russi kien identifikat bħala TU-142 ‘Bear’ li jintuża għal missjonijiet ta’ sorveljanza fiz-zoni marittimi – bl-ajruplan militari l-ieħor ikun tat-tip li jintuża għal kontra s-sottomarini.

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit qal li l-ajruplani tiegħu – fighter-jets tat-tip Typhoon – wieġbu għas-sitwazzjoni mal-ewwel indikazzjonijiet ta’ infiltrazzjoni tal-ispazju tal-ajru ta’ pajjihom. Dawn il-fighter-jets, bħalissa, jinsabu għaddejjin b’missjonijiet ta’ sorveljanza minn Leuchars, fl-inħawi ta’ Fife ( fl-Iskozja) u li qed iservihom bħala bażi temporanja.

Il-moniteraġġ taz-‘zona ta’ kontroll’ mill-ajruplani tal-RAF qed isir biex jaċċerta s-sigurtà ta’ ajruplani oħrajn, inklużi ajruplani ċivili li għaddejjin bil-vjaġġi transatlantiċi.