Lokali

Robert Abela u Edward Scicluna siekta fuq telf ta’ 40 miljun ewro – PN

Waqt is-smiegħ tal-inkjesta pubblika fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ġie żvelat il-ġimgha li għaddiet minn Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, kif l-Enemalta kienet assorbiet 5 miljun ewro f’taxxa tas-sisa illi suppost kellha titħallas mill-Electrogas. Dan sar bi ksur tat-termini oriġinali tat-tender u huwa ikkalkulat illi fuq il-perjodu sħiħ tal-proġett it-taxxa ffrankata lill-Electrogas tammonta għal aktar minn 40 miljun. Dan il-piż minflok se jinġarr mill-poplu Malti u Għawdxi.

Din id-deċiżjoni ttieħdet, wara intervent tal-eks Ministru Konrad Mizzi, mill-Gvern ta’ Joseph Muscat li tiegħu il-Prim Ministru Robert Abela serva bħala konsulent u li tiegħu Edward Scicluna kien u għadu Ministru tal-Finanzi responsabbli għall-ġbir tat-taxxi ġewwa pajjiżna.

Permezz ta’ stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario De Marco, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus stqarrew li wieħed kien jippretendi illi kieku il-Prim Ministru Robert Abela u il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma qablux ma din id-deċiżjoni ta’ favoreġġjament, illi joħorġu stqarrija jiċħdu l-involviment tagħhom. Wieħed ma kienx jippretendi iżda illi Ministru tal-Finanzi jabdika r-responsabilita’ tiegħu għall-ġbir tat-taxxi u jħalli deċiżjonijiet fuq ġbir ta’ sisa jittieħdu mill-eks Ministru Konrad Mizzi. L-iskiet ta’ Robert Abela u Edward Scicluna sallum jagħmilhom kompliċi f’ deċiżjoni skandaluża illi ċaħdet lill-poplu Malti minn 40 miljun Ewro sempliċiment sabiex tagħmel lill-Electrogas aktar profittabli.

Dan hu l-wirt ta’ Gvern Laburista li l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi. Dan hu l-wirt illi il-Ministru tal-Finanzi ma jistax jiddefendi u qed jipprova jaħrab mir-responsabilita’ tad-deċiżjoni mehuda. Wirt, li fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi u finanzjarji li Malta għaddejja minnhom fil-preżent, qed ifisser spejjeż aktar għall-familji u n-negozji ta’ pajjiżna.