Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar vittmi tan-nirien fl-Istati tal-West Coast

L-awtoritajiet għall-emerġenzi konfermaw li mietu ‘il fuq minn 30 persuna fin-nirien – jew ‘wildfires’ – li ħakmu f’diversi bnadi tal-Istati Amerikani fir-reġjun tal-West Coast.

L-aħħar rapporti rreferew għal għexieren ta’ persuni neqsin fl-Istat ta’ Oregon waħdu – bl-uffiċjali jsostnu li r-residenti lokali għandhom jippreparaw ruħhom għall-konferma ta’ ‘vittmi fuq livell ta’ massa’ fl-inħawi tagħhom.

In-nirien qalb foresta u art aħrax ilhom għaddejjin għal tlett ġimgħat f’Oregon, kif ukoll fiz-zoni ta’ Kalifornja u Washington. Il-fjammi qerdu eluf ta’ djar waqt li għexieren ta’ eluf ta’ nies kienu kostretti li jaħarbu mill-komunitajiet residenzjali minħabba t-theddida kontinwa tan-nirien.

Fi tmiem il-ġimgħa, Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku li f’Novembru se jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Unti, wissa li l-bidliet fil-klima qegħdin jimponu ‘theddida imminenti għall-eżistenza tal-bniedem’.

Biden fl-istess ħin akkuża lill-President Amerikan attwali, Donald Trump, b’li qed ‘jiċħad għal din ir-realtà’.

Il-President Trump qed iħejji biex iżur Kalifornja biex jaġġorna ruħu mal-iżviluppi waqt il-kriżi tan-nirien f’dan l-Istat. Hu, fl-istess ħin, qiegħed jalludi għall-immaniġġjar ħażin tal-foresti bħala l-kaġun tal-‘wildfires’ li fl-aħħar ġimgħat qerdu medda ta’ art kbira daqs l-Istat ta’ New Jersey.

It-tniġġiż tal-ajru mid-dħaħen tan-nirien wassal għal sitwazzjoni fejn ir-residenti ta’ Portland – l-akbar belt f’Oregon – spiċċaw ibatu ‘l-agħar kwalità ta’ arja’ fid-dinja, skont id-data miġbura minn IQAir.com.

Fl-istess sitwazzjoni – għalkemm anqas gravi – huma l-inħawi ta’ San Francisco u Seattle.