Coronavirus Lokali Saħħa

Tħassib fost it-tobba fid-dawl tal-kriżi li qed iġġib il-COVID-19

Hekk kif il-kriżi tal-Pandemija qed tkompli tgħolli rasha, l-istess jista’ jingħad għal deċiżjonijiet f’paniku li qed jittieħdu, fost oħrajn deċiżjoni li wasslet biex il-MAM, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, tat direttivi biex tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa, ma jagħtux servizz fi djar ta’ kura, bħal djar tal-anzjani.

Fl-aħħar jiem sar magħruf li dar tal-anzjani fil-Fgura sabet ammont kbir ta’ anzjani infettati bil-COVID-19. Minflok ma ttieħdet deċiżjoni li dawn l-anzjani jiġu segregati u jittieħdu fi sptar għall-kura xierqa, dawn inżammu fid-dar bir-riżultat li l-kura tingħata b’mod limitat u b’periklu għall-kumplament tal-anzjani.

Fl-aħħar jiem il-Ministeru tas-Saħħa ta’ ordni biex tobba miċ-Ċentri tas-Saħħa jibdew imorru jinvistaw lill-anzjani li hemm f’din id-dar. Deċiżjoni li wasslet biex is-servizz fil-kliniċi tal-madwar ġie ristrett, filwaqt li tikber il-biża’ li l-virus ikompli jiġri aktar għaliex jekk tabib jinfetta ruħu, jista’ jkun il-każ li jxerred dan il-virus waqt xogħol ieħor li jkun qed jagħmel fil-kliniċi. Din id-deċiżjoni ħolqot sens ta’ rabja, biża u riżorsi limitati fost it-tobba.

Kien għalhekk li s-Sibt l-Assoċċjazzjoni Medika Maltija ħarġet direttivi biex tobba li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa ma jagħtu l-ebda servizz f’’nursing homes privati. Min-naħa tagħha l-MAM talbet li tiġi ddikjarat emerġenza fis-saħħa pubblika. Kif ukoll li jkun hemm pjan ħolistika miċ-Chief Medical Officer dwar kif din l-emerġenza se tkun immaniġjata u li dan il-pjan jinqabel mal-Assoċċjazzjoni Medika Maltija qabel l-implimentazzjoni tiegħu.