Internazzjonali

Belarus-Russja: Kritikat djalogu bejn Lukashenko u Putin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svetlana Tikhanovskaya, tinsab iddispjaċuta dwar il-mawra fir-Russja tal-President ta’ pajjiżha, Alexander Lukashenko, li qed iħejji għal taħditiet mal-President Russu Vladimir Putin, fil-belt ta’ Sochi.

Tikhanovskaya, li ilha l-aħħar ġimgħat tgħix f’eżilju fil-Litwanja, ikkundannat il-fatt li ‘Putin qed jidħol fi djalogu ma’ dittatur ( Lukashenko)’ – u meta l-Mexxej Russu jqis lil Lukashenko bħala l-President leġittimu tal-Belarus.

Il-laqgħa f’Sochi għandha tkun l-ewwel waħda wiċċ-imb-wiċċ bejn Putin u Lukashenko mindu eskalaw il-protesti fil-Belarus wara l-elezzjonijiet ta’ nofs is-sajf għall-Presidenza ta’ dan il-pajjiż li kienu ntrebħu minn Lukashenko. Sadanittant, fil-Belarus qed jikber il-moviment ta’ protesta fejn id-dimostranti komplew jinsistu li r-rebħa tal-President ibbażat fuq il-qerq u l-frodi.

Min-naħa tiegħu, Vladimir Putin wissa li għandu qawwa tal-pulizija Russa li hi lesta biex tintervjeni f’każ li l-protesti fil-Belarus ‘jaqbżu l-limitu’. Dan fost l-ispekulazzjoni li Putin irid rabtiet eqreb mal-Belarus bħala parti minn ftehim għall-‘appoġġ kontinwu mir-Russja għal Lukashenko’.