Lokali

BIR-RITRATTI: Liema kienu l-iżjed lokalitajiet milquta mill-maltemp?

Għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex ġew milquta ħażin bil-maltemp li għat-tielet jum laqat lill-gżejjer Maltin. Fil-fatt, saħansitra gallarija fi Triq il-Kavetta, Buġibba ġarbet ħsara tant li l-art iddendlet għal fuq il-gallarija ta’ taħtha. Fuq il-post marru membri tal-Protezzjoni Ċivili biex ineħħu l-periklu li nħoloq.

U saħansitra għadd ta’ vetturi sofrew ħsara minn ammont kbir ta’ ilma tax-xita li nġabar fit-toroq Maltin. Anke mutur kien innotat li tkaxkar mal-ilma li kien hemm fit-toroq tal-Gżira.

U dan filwaqt it-traffiku li nġema’ f’diversi lokalitajiet, fosthom fil-Marsa, il-Belt Valletta, il-Furjana u l-Ħamrun, b’uħud mis-sewwieq damu wieqfin fit-traffiku għal iktar minn sagħtejn.

Iżda t-traffiku l-iktar li kien innotat kien f’toroq fejn żammu tant ilma li f’uħud minnhom saħansitra kien kważi impossibli li karozza tgħaddi minnha tant li twaqqaf it-traffiku sakemm is-sitwazzjoni tkun ikkontrollata.

Kif jixhed ir-ritratt t’hawn taħt, tant kien hemm ilma tax-xita fit-toroq li uħud minn tal-linja spiċċaw mgħarqa kollha ilma, b’riżultat li n-nies kellhom jagħmlu vjaġġ sħiħ b’sieqhom fl-ilma.