Lokali

Bżonn ta’ trasparenza sħiħa rigward l-artijiet pubbliċi – MDA

B’referenza għall-interess qawwi fuq il-midja, l-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin (MDA) ħasset li kellha tagħmel il-pożizzjoni ċara wara li għal darb’oħra l-Gvern jaf jilħaq ftehim fuq art pubblika, din id-darba fil-White Rocks, f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Mingħajr ma’ daħlet fil-mertu tan-negozjati, l-MDA tenniet li kwalunkwè ftehim li jintlaħaq għandu jkun ibbażat fuq il-prezz tas-suq tal-art inkwistjoni. Fi stqarrija l-assoċjazzjoni insistiet li l-Gvern ta’ Robert Abela jżomm mal-wegħda li wettaq, jiġifieri li dawn in-negozjati jkollhom trasparenza sħiħa u f’konformità mar-regoli tal-procurement. Dan filwaqt li saħqet li kull uffiċjal pubbliku involut f’dawn in-negozjati għandu jkun responsabbli mis-sid aħħari ta’ dawn l-artijiet, il-pubbliku.

L-MDA sostniet li dak li seħħ fl-iżviluppi oħra fuq art pubbliku, taħt amministrazzjonijiet differenti – m’għandux jiġi ripetut.

Dan filwaqt li l-MDA wissiet li mhux ser tkun qed tittollera tbagħbis mal-prezz tas-suq, nuqqas ta’ trasparenza jew kwalunkwè għajnuna mill-Gvern sabiex art pubblika tinbidel f’waħda privata.

L-Assoċjazzjoni saħqet li dan l-aġir iseħħ mhux fl-interess tal-ġid komuni jew tal-ekonomija u insistiet li l-pubbliku għandu kull dritt li jikseb il-prezz ġust minn art pubblika.