Minkejja l-kantaliena tal-Prim Ministru Robert Abela, li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kollettiv, qed joħroġ dejjem aktar fil-beraħ kif il-membri tal-Kabinett fil-verità mhux jaqblu bejniethom. Anzi, hi ċara l-iskumdità għal ċerti deċiżjonijiet kruċjali, li jeffettwaw lil dawk għeżież għalina.
Bħal uliedna, li ġimagħtejn oħra suppost se jkunu qed jirritornaw l-iskola wara waqfien ta’ sitt xhur minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. Iżda dan il-pass qed iħasseb lil ħafna ġenituri u edukaturi, ladarba qed jaraw li l-Gvern ta’ Abela m’għandu xejn ippjanat għal dan is-settur.
Tħassib ukoll minn Evarist Bartolo, l-eks Ministru tal-Edukazzjoni, li tmien xhur ilu tneħħa minn din il-kariga minn Robert Abela u ħadlu postu Owen Bonnici. Fil-fatt, meta ppruvajna nistaqsuh x’kien jagħmel hu, li kieku għadu Ministru tal-Edukazzjoni, hu bagħatna nistaqsu lill-Ministru Bonnici. Dan minkejja li, skont il-Prim Ministru Abela, deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu kollettivament.
Ladarba ħarab minn din il-mistoqsija, fakkarna li Evarist Bartolo li hu wkoll edukatur hu nnifsu. Iżda anke hawn, hu pprova jaħrab. Evidenti l-iskumdità tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni, f’sinjal li żgur ma jagħmilx ħafna kuraġġ lill-ġenituri u lill-edukaturi, li għadhom ma jafux x’inhu l-pass li jmiss fl-ambitu tan-numri dejjem jizdiedu ta’ Coronavirus f’pajjizna.
U quddiem din is-sitwazzjoni, Owen Bonnici qed jagħżel li jaħrab lill-media u jippreferi jwassal messaġġi fuq Facebook mill-karozza Ministerjali … messaggi li fihom ftit li xejn qed joffri soluzzjonijiet konkreti, anzi jgħid lill-ġenituri li għandhom isabbru lil xulxin.
//= $special ?>