Lokali

Ħidma ta’ sagħtejn biex jitneħħa l-ilma mill-bejta tal-bajd tal-fkieren

Hekk kif il-ġurnata tal-Ħadd rat sigħat sħaħ ta’ xita qalila, il-voluntiera li kienu qed jieħdu ħsieb il-bejta tal-fkieren li tinsab l-Għadira kellhom battikata biex ineħħu l-ilma tax-xita li mela l-bejta kollha.

Fil-fatt, il-proċess ħa sagħtejn sħaħ bla waqfien biex jitneħħa l-ilma kollu biex ma ssirx ħsara lill-bajd tal-fkieren. Il-proċess kien jikkonsisti fi tħaffir fir-ramel biex joħroġ l-ilma faċilment minn voluntiera ta’ Nature Trust Malta.

Fekruna kienet ġiet innotata fl-10 ta’ Awwissu fejn telgħet tbid il-bajda tal-fkieren. Fuq il-post hemm protezzjoni stretta fejn ħadd ma jista’ jersaq viċin u wisq inqas jagħmel xi tip ta’ ħsara lil bajd li għadhom ma faqqsux. Din hi t-tieni waħda fil-Bajja tal-Għadira, fil-Mellieħa għal din is-sena.