Internazzjonali

Il-Libja: Jirriżenja l-Gvern ta’ Haftar wara protesti f’Benghazi

epa07489298 Vehicles and militants, reportedly from the Misrata militia, gather to join Tripoli forces, in Tripoli, Libya, 06 April 2019. According to reports, commander of the Libyan National Army (LNA) Khalifa Haftar ordered Libyan forces loyal to him to take the capital Tripoli, held by a UN-backed unity government, sparking fears of further escalation in the country. EPA-EFE/STRINGER

Il-Gvern fil-Lvant tal-Libja — l-amministrazzjoni rivali tal-Gvern ta’ Tripli li qed jingħata appoġġ min-Nazzjonijiet Uniti – irriżenja wara protesti dwar kundizzjonijiet tal-għajxien inaċċettabbli u sitwazzjoni ta’ korruzzjoni ‘endemika’. Intant, ir-riżenja teħtieġ li tkun approvata mill-Gvern ta’ Tobruk.

Fi tmiem il-ġimgħa, dimostranti f’Benghazi taw in-nar lill-kwartieri-ġenerali tal-Gvern alleat mal-Ġeneral Khalifa Haftar li kien dam aktar minn sena jmexxi assedju fuq Tripli. Dan sakemm il-qawwiet tal-Gvern (rivali) għall-Għaqda Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru Fayez al-Sarraj irnexxielhom – bl-għajnuna tat-Turkija – jitfgħu lura lit-truppi ta’ Haftar mill-front tal-gwerra fil-kapitali u l-madwar.

Ftit xhur ilu, rapport tan-NU irrefera għall-preżenza, fil-Libja, ta’ mijiet ta’ merċenarji tal-Grupp Wagner —  li l-kap tiegħu hu assoċjat qarib tal-President Russu Vladimir Putin – fuq in-naħa ta’ Haftar; li, fl-offensiva, kien appoġġjat ukoll mill-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat — u għall-ewwel darba — kien hemm ukoll il-konfronti fl-inħawi ta’ Al-Maj, li huma fortizza ta’ Haftar. Id-dimostranti ġġieldu mal-qawwiet tas-sigurtà ta’ Haftar fost rapporti li xi ċivili tilfu ħajjithom.

Kelliem għal Haftar qal li l-Gvern Libjan tal-Lvant hu favur li jsiru protesti paċifiċi ‘iżda ma kienx jippermetti li t-terroristi u l-membri tal-Fratellanza Musulmana jużaw id-dimostrazzjonijiet għall-iskopijiet qattiela tagħhom’.

Il-Libja ilha mifnija bil-vjolenza mindu l-poplu, bl-għajnuna tal-qawwiet tan-NATO , keċċa r-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi fl-aħħar tal-2011,