Lokali

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jieħu lezzjonijiet minn Partit Laburista korrott

Minflok jiffoka fil-proċessi interni tal-Partit Nazzjonalista, li saru bl-akbar reqqa u trasparenza, il-Partit Laburista għandu jara li jieqfu immedjatament il-ħniżrijiet u li tieqaf ukoll il-kultura ta’ impunità li qed isiru f’pajjiżna mill-Gvern Laburista.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li kien qed jistenna li l-Whip Laburista Glenn Bedingfield u l-Kandidat Laburista Andy Ellul jagħmlu konferenza tal-aħbarijiet fejn huma wkoll jappellaw lill-Avukat Ġenerali biex tippubblika minnufih ir-Rapport tal-Inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-Passaporti.

Inkella jgħidulna kif l-Enemalta kienet assorbiet €5 miljun f’taxxa tas-sisa li suppost kellha titħallas mill-Electrogas. Dan bi ksur tat-termini oriġinali tat-tender u hu ikkalkulat li fuq il-perjodu sħiħ tal-proġett, it-taxxa ffrankata lill-Electrogas tammonta għal aktar minn €40 miljun f’piż li se jinġarr mill-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li quddiem dawn l-aħħar każijiet ta’ korruzzjoni, li jingħaqdu mal-oħrajn kollha li kkaratterizzaw it-tmexxija tal-Gvern Laburista, tant li saru l-ordni tal-ġurnata, il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ sieket minflok ma jgħidilna x’se jagħmel bid-Deputat u Konsulent Personali tiegħu Joseph Muscat u bil-Ministru Edward Scicluna, li minflok aċċerta l-aqwa użu tat-taxxi tan-nies ippermetta li jgħaddu kuntratti korrotti.

Żgur li qatt ma jista’ jkun li l-Partit Laburista jagħti xi forma ta’ lezzjoni dwar trasparenza u kontabbilità meta taħt il-Gvern Laburista saru każi kbar ta’ korruzzjoni u serq ta’ flus tan-nies. Il-poplu għadu qed jistenna l-verità u jekk dan ma jsirx, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled għall-ġustizzja, temmet tgħid l-istqarrija.