Lokali Parlament

Il-proposti għal tisħiħ fil-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u d-Deputati issa quddiem il-gruppi parlamentari

Dokument bi proposti għal tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Etika tal-ministri u tad-deputati mħejji mill-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi George Hyzler kien diskuss fil-Kumitat fil-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku biex issa sejkun trattat fil-gruppi parlamentari tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

Fil-alqgħa tal-kumitat il-Gvern kien rappreżentat mill-ministri Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalista Karol Aquilina u Carm Mifsud Bonnici. Il-Kumitat kien presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u fih tkellem ukoll il-Kummissarju Hyzler.

Il-Kummissarju għall-Istandards Hyzler qal li fid-dokument kien ikkunsidrat dak li jseħħ f’pajjiżi oħra u kompla li xi wħud mill-proposti huma kontroversjali, oħrajn huma ovvji u oħrajn huma tibdil. L-iskop wara l-kodiċi hu li jkun hemm titjib fit-trasparenza, biex ma jkunx hemm konflitti u għax il-poplu jistenna livell ta’ kondotta mill-politiċi.

L-abbozz kien fdat f’idejn l-Uffiċċju għall-Kummissarju tal-Istandards li mhux parti mill-parlament u li għalhekk kien pożittiv li hemm kunsiderazzjonijiet minn settur differenti mill-parlament. Jeħtieġ li nilħqu l-aspetattiva tal-poplu u għandna wkoll obbligi internazzjonali fejn għandu jsir sforz biex titjieb ir-reputazzjoni ta’ Malta; Malta bħalissa għandha bżonn tagħmel sforz ikbar f’dan ir-rigward, sostna l-Kummssarju Hyzler, li qal li Malta għandha tilħaq il-livelli ta’ barra minn Malta.

Il-Kummissarju Hyzler kompla li saru wkoll linji gwida biex id-deputati jkunu jistgħu jikkonsultaw magħhom dwar x’inhu mistenni minnhom.

Il-kodiċi ta’ etika hu bbażat fuq dak li hu sewwa; iżda dak li hu sewwa hu suġġettiv, sostna l-Kummissarju Hyzler, li kompla li fost il-proposti ġodda hemm numru ta’ prinċipji li ma kienux jeżistu qabel. Fost dawn hemm ir-reġistru għar-rigali, benefiċċji u ospitalità, reġistru fuq l-interessi, reġistru għat-trasparenza u reġistru dwar lobbying.

Hu qal li ma jridx jgħabbi lid-deputati b’obbligi għal xejn biex ħadd ma jitgerrex milli jidħol fil-politika u kompla li anzi jrid li bis-saħħa tar-regoli jkun trasmess il-ħsieb li l-politika hi tajba.

George Hyzler qal li hemm ukoll proposta li fid-dikjarazzjoni tal-assi jidħol l-obbligi tal-konjuġi tad-deputati u anki l-partners. Din hi skomda għax ir-reazzjoni hi għaliex għandhom b’dawn il-eprsuni jitgħabbew bil-piżijiet meta dawn il-persuni m’humiex membri tal-parlament iżda r-realtà hi li persuni intimament marbuta mad-deputati ma jistgħux jitħallew barra, sostna George Hyzler, li kompla li għandu jkun hemm distinzjoni bejn it-talbiet ta’ verifika tal-assi mill-Kummissarju u d-dikjarazzjonijiet li jkunu ppreżentati lill-Kamra.

Il-propostai jinkludu wkoll li dak li għandu jiddaħħal fid-dikjarazzjoni tal-assi jibqa’ kif inhu iżda l-Kummissarju għandu jkollu d-dritt li jara wkoll aspetti oħra biex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu.

Il-Kummissarju Hyzler qal li jifhem li hu skomdu li tintalab l-informazzjoni mingħand il-partner iżda għall-fini ta’ taxxa din diġà qed issir illum. Hu spjega li m’għandux ikun hemm sitwazzjoni fejn xi flus jinħbew għand il-persuni viċin id-deputati; l-affarijiet kollha jridu jitpoġġew fuq il-mejda kif isir f’pajjiżi oħra.

Dan għandu jkun sforz biex tissaħħaħ il-kredibbiltà ta’ Malta, sostna l-Kummissarju Hyzler, li kompla li dan il-prinċipju għandu jkun attwat ukoll fil-kuntest tat-tfal tad-deputati. Ir-reġistru għandu jkun wieħed ħaj li fih id-deputati għandhom jinkludu dwar li jakkwistaw b’mod immedjat sa 28 ġurnata minn meta jkunu xtraw jew kisbu xi oġġetti.

Il-Kummissarju qal li d-deputati għandhom ikunu kawti meta fid-diskorsi parlamentari jsiru allegazzjonijiet fil-konfront ta’ persuni li m’humiex deputati biex ma jkunx hemm abbużi. Proposta oħra hi li jkun hemm regola biex ministri li jkunu spiċċaw mill-karigi ministerjali ma jkunux impjegati bl-istess settur li jkun responabbli għalih immedjatament wara li jtemmu l-kariga.

L-ospitabilità għandha tinkludi wkoll rigali li jingħataw lill-parterns jew konjugi tad-deputati. Għandhom ikunu reġistrati wkoll rigali li l-ministri jagħtu anki f’każi li jagħti rigali lil għaqdiet li jkunu qed jikkriktaw lill-istess ministru. Dan jgħodd ukoll meta ministru jqabbad kumpanija viċin tiegħu biex jagħti dawn ir-regoli jew donazzjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina tkellem dwar l-offerti ta’ rigali li ma jkunx aċċettati u qal li meta dan iseħħ id-deputat għandu jirreġistra din l-offerta biex ikunu evitati sitwazzjonijiet diffiċli minħabba li dawn l-offerti jistgħu jwasslu għal rikatt. Id-deputat Nazzjonalista kompla li jaqbel li jkun hemm il-konjugi u t-tfal inklużi. Hu tkellem ukoll dwar id-data tal-preżentazzjoni biex ma jkunx hemm anomaliji.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-Kummissarju qed jibgħat il-messaġġ li d-deputati jridu jġibu ruħhom sew iżda għandhom jinkludu affarijiet oħra dwar benefiċċji tal-istat biex id-deputat ma jippretendix li jkun preferut jew aġevolat. Bħala eżempju hu semma’ l-kodiċi attwati fl-Iżvezja u qal li l-ospitalità għandha tkun definita.

Id-dokument tal-Kummissarju issa se jkun diskussi fil-gruppi parlamentari tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni biex sa Novembru 2020 jkun hemm l-approvazzjoni.