Lokali

Ir-rapport tal-inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-passaporti għandu jiġi ppubblikat minnufih – PN

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed pubblikament isejjaħ lill-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg sabiex minnufih tippubblika r-rapport tal-inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-passaporti bl-involviment ta’ Keith Schembri, l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina, saħaq li din l-inkjesta kienet bdiet wara talba li saret mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’April tal-2017, li kien żvela rapport tal-FIAU li juri li Keith Schembri kien ħa €100,000 f’tixħim mill-bejgħ ta’ tliet passporti Maltin lil tliet ċittadini Russi.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali tagħraf il-mod skandaluż u abbużiv li ġab ruħu il-predeċessur tagħha Dr Peter Grech dwar l-inkjesta Egrant u minflok tkun ta’ eżempju tajjeb billi minnufih tippubblika fl-intier tiegħu u mingħajr ebda ċensura r-rapport tal-inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-passaporti bl-involviment ta’ Keith Schembri.