Internazzjonali

Jintgħażel il-Prim Ministru l-ġdid tal-Ġappun

Il-Partit fil-Gvern eleġġa lil Yoshihide Suga bħala Kap ġdid minflok Shinzo Abe — li jfisser li hu kważi ċert li Suga se jsir il-Prim Ministru ġdid tal-Ġappun. L-aħħar żviluppi kienu konfermati wara li Abe, ix-xahar li għadda, irriżenja minn Prim Ministru minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Suga — li għandu 71 sena u li magħruf bħala alleat politiku ta’ Shinzo Abe – serva, sallum, bħala Segretarju tal-Kabinett ewlieni fil-Gvern Ġappuniż u mistenni li, ‘il quddiem, isegwi l-istess triq politiku tal-eks Prim Ministru Ġappuniż.

Yoshihide Suga rebaħ il-vot għall-Presidenza tal-Partit Liberali Demokratiku (LDP) konservattiv b’marġni kbira, fejn fost oħrajn għeleb lill-isfidant ewlieni, Fumio Kishida, li hu eks Ministru Ġappuniż għall-Affarijiet Barranin.

Ladarba l-partit għażel lilu bħala kap, l-attenzjoni, issa, iddur lejn proċess ta’ vot ieħor fil-Parlament, u fejn hu kważi ċert li Suga ikun ikkonfermat Prim Ministru minħabba l-maġġoranza sostanzjali tal-LDP fl-assemblea. Mistenni, intant, li Suga jibqa’ fir-rwol ta’ Prim Ministru sal-elezzjonijiet ġenerali li se jsiru fil-Ġappun f’Settembru tal-2021.