Internazzjonali

L-Abbozz ta’ wara Brexit: Aktar kritika mill-eks Prim Ministri Britanniċi

David Cameron  sar il-ħames eks Prim Ministru tar-Renju Unit li kritika l-abbozz ġdid intiż biex iwarrab partijiet tal-ftehim dwar Brexit li ntlaħaq mal-Unjoni Ewropea u li, matul il-lejl, irid jgħaddi minn vot fil-Parlament ta’ Londra.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson, intant, qal li l-abbozz – l-Internal Market Bill – ‘hu element ta’ leġislazzjoni kritika’ għar-Renju Unit, b’Cameron jesprimi dubji dwar kemm l-abbozz hu pass għaqli fiċ-ċirkustanzi.

L-eks Prim Ministru qal li l-ksur ta’ trattat internazzjonali għandu jsir biss bħala ‘l-aħħar għażla u ladarba l-partijiet jeżawrixxu kull possibbiltà oħra.’ Dan wara li erba’ eks Prim Ministri Britanniċi oħra – Theresa May, John Major, Tony Blair u Gordon Brown – ikkundannaw il-pjan li jista’ jaffettwa l-ftehim ta’ Brexit b’mod sostanzjali.

Il-kelliema għal Boris Johnson qalu li l-abbozz jipprovdi ‘assikurazzjoni legali importanti biex il-Gvern jieħu passi neċessarji li jaċċertaw l-integrità tas-suq intern tar-Renju Unit’. Il-kelliema esprimew tama li ma jkunu qatt f’sitwazzjoni fejn jirrikorru għal dawn il-passi.

Id-deputati fil-House of Commons qed jiddibattu l-abbozz, li aktar tard se jgħaddi mill-vot fil-Parlament. F’każ li tgħaddi mill-ewwel ostakolu, il-leġislazzjoni mistennija taħbat ma’ diffikultajiet, ‘il quddiem, u ladarba l-abbozz ikun suġġett għal dibattitu ieħor fil-House of Lords.

Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fl-aħħar ta’ Jannar wara li nnegozja u ffirma l-withdrawal agreement mal-Unjoni. Iż-żewġ naħat, issa, daħlu fl-aħħar ġimgħat tan-negozjati għal ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit qabel jagħlaq il-perjodu tat-tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru. Dan meta din il-ġimgħa se jsiru wkoll taħditiet informali fi Brussell.

Parti importanti tal-ftehim – illum trattat internazzjonali – tinvolvi l-Protokoll għall-Irlanda ta’ Fuq li tevita r-ritorn ta’ fruntiera riġida għall-Irlanda.

L-Internal Market Bill propost mill-Gvern ta’ Johnson kapaċi ‘iwarrab’ il-parti tal-ftehim li jirrigwarda moviment ta’ prodotti minbarra li jippermetti biex ir-Renju Unit jimmodifika jew jinterpreta mill-ġdid ir-regoli rigward ‘għajnuna mill-Istat’ relatata mas-sussidji lill-kumpaniji fl-Irlanda ta’ Fuq — dejjem f’każ li Londra u Brussell ma jilħqux ftehim kummerċjali fil-futur.