Lokali

L-Avukat Ġenerali ma tridx tagħti kopja tal-inkjesta lil Simon Busuttil

"Nittamaw li m’hemmx interess li din tibqa’ fuq l-ixkaffa"

L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ikkonfermat li għalissa mhux se tirrilaxxa kopja tal-inkjesta li saret, u ġiet konkluża, dwar l-allegat tixħim bejn Keith Schembri u Brian Tonna ta’ Nexia BT – skandlu li dwaru kien hemm ukoll investigazzjoni serjissima mill-FIAU, liema investigazzjoni allegatament baqgħet fuq l-ixkaffa.

F’ittra, li kienet ippubblikata mill-avukat Jason Azzopardi, jintqal li “fiċ-ċirkustanzi, l-ebda kopja tal-proċess verbal mhu se jiġi rilaxxat f’dan l-istadju”.

Stqarrija mill-għaqda Repubblika

L-abbuż minn persuni f’karigi pubbliċi huwa materja ta’ interess pubbliku, aktar w’aktar meta l-abbuż allegat ikun marbut ma’ uffiċċju pubbliku. Repubblika tinnota t-talba li saret dwar inkjesta mibdija f’April 2017 dwar allegat tixħim bejn Keith Schembri u Brian Tonna. 

Repubblika tistenna li l-Avukat Ġenerali twettaq id-dmirijiet tagħha u tieħu l-passi kollha meħtieġa fid-dawl ta’ dak misjub. 

Niftakru li din l-inkjesta inbdiet kważi tliet snin u nofs ilu;  nittamaw li m’hemmx interess li din tibqa’ fuq l-ixkaffa. Niftakru wkoll li hemm inkjesti maġisterjali oħra dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni minn uffiċjali pubbliiċi li ilhom għaddejja snin sħaħ.