Lokali

L-ewwel xita tikxef ix-xogħolijiet bla pjan fit-toroq ta’ pajjiżna – PN

Hekk kif matul dawn il-ġranet għamlet l-ewwel xita tal-istaġun, diversi toroq madwar pajjiżna, saħansitra uħud minnhom li għadhom kemm saru mill-Gvern ċentrali, spiċċaw jgħerqu bl-ilmijiet tax-xita.

Dan saħqu il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Toni Bezzina, fejn spjega li dan huwa n-nuqqas ta’ ppjanar serju u fit-tul fix-xogħolijiet li qed isiru, u li wassal biex diversi toroq ewlenin f’pajjiżna u li jintuzaw minn eluf ta’ persuni kuljum għerqu kompletament. Dan qed isarraf kemm fi ħsarat għall-vetturi li jgħaddu minnhom kif ukoll għal propjetajiet li jinsabu f’dawn it-toroq.

L-istess sitwazzjoni kien hemm f’diversi toroq arterjali u distributorji, li għalkemm l-istaġun xitwi kien bieb u għatba, n-nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ kanali tal-ilma tax-xita wasslu biex dawn it-toroq mal-ewwel xita li għamlet spiċċaw biex għerqu; b’inkonvenjenza qawwi għal dawk kollha li jagħmlu użu minnhom.

Filwaqt li nilqgħu b’sodisfazzjon l-investiment li qed isir fit-toroq ta’ pajjiżna, bħala Oppożizzjoni Nazzjonalista nemmnu li dan għandu jsir biss bil-galbu u wara ppjanar kif meħtieġ anke billi jsir l-studji necessarju biex jiġu evitati l-għadajjar tal-ilma kif ukoll jiġu pprovduti kanali tal-ilma tax-xita sabiex it-toroq ta’ pajjiżna ma jibqgħux jerqu ma’ l-ewwel ħalba xita.

Hekk biss nistgħu nassiguraw l-aħjar użu ta’ flus il-poplu u l-aħjar investiment fit-toroq ta’ pajjiżna.