Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Problema ta’ spazju”; pressjoni biex it-tfal isegwu l-lezzjonijiet online

“Il-klassijiet mhumiex kbar biżżejjed għad-distanza soċjali”

“Ħafna mill-klassijiet mhumiex kbar biżżejjed biex tinżamm id-distanza soċjali.”

“Din mhix soluzzjoni vijabbli.”

“Għandna bżonn inkunu nafu tagħżlux li uliedkom issegwi l-lezzjonijiet online mid-dar.”

Kien dan il-messaġġ mibgħut minn diversi skejjel ġimagħtejn biss qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida, bl-iskejjel m’għandhomx għażla oħra ħlief li jikkuntatjaw lil ġenituri biex bħal donnu qed iħeġġuhom ma jibgħatux lil uliedhom l-iskola.

Dokumenti li waslu ghan Net News jikkonfermaw li kemm skejjel tal-Gvern kif ukoll skejjel privati u tal-Knisja ghandhom problemi ta’ spazju. Filwaqt illi mhux ċar kemm hu possibbli li kull skola tassigura li l-istudenti jibqgħu fil-‘bubbles’ tagħhom.

L-email mibgħuta lil ġenituri tgħid li l-ispazji kollha tal-iskejjel ġew meqjusa biex jintużaw bħala spazji alternattivi imma din xorta mhix soluzzjoni. Dan qed iwassal biex ġenituri jiġu mħeġġa jżommu lil uliedhom id-dar u jsegwu l-lezzjonijiet online.

Fid-dawl ta’ din l-għażla li qed ikunu affaċjati biha l-ġenituri, il-Ministru Owen Bonnici għadu ma ħax miżuri konkreti ta’ kif is-saħħa tat-tfal se tkun protetta filwaqt li l-istudenti jibqgħu jieħdu l-edukazzjoni neċessarja.

Din is-sitwazzjoni inħolqot minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar minn naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni… b’għalliema jgħidulna li l-Gvern ħela Sajf sħiħ, ma kkonsulta ma ħadd, ħalla kollox għall-aħħar minuta, u issa għaddej b’deċiżjonijiet mgħaġġla.

Intqal ukoll lill-ġenituri li ċertament li l-binja akkademika mhux ser tkun tista’ tilqa’ l-popolazzjoni sħiħa tal-iskola minħabba l-miżuri ta’ distanza fiżika. Għaldaqstant ġie propost li jalternaw il-gruppi ta’ tfal fil-klassijiet, min isegwi l-lezzjoni mill-klassi u min virtwalment mid-dar. Iżda intqal li s’issa ma jistgħux jingħataw aktar istruzzjonijijet minħabba li l-awtoritajiet konċernati għadhom qed jiddibattu… ftit inqas minn 3 ġimgħat qabel jiftħu l-iskejjel.

Dawk il-ġenituri li ma jridux jibgħatu lill-uliedhom l-iskola iżda ser ikunu qed jagħżlu l-faċilità li jsegwu l-lezzjonijiet onlajn, għandhom iżommuhom id-dar għal bqija tal-ewwel term… jiġifieri sa’ Jannar 2021.