Lokali

“Proċess li qed jitwettaq b’serjetà u trasparenza” – Francis Zammit Dimech

“Dan huwa proċess demokratiku li qiegħed jitwettaq bl-akbar sens ta’ serjetà, għaqal u trasparenza.” – Francis Zammit Dimech

Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech waqt intervista t-Tnejn waranofsinhar fuq NET FM fejn spjega li dan il-proċess huwa miftuħ għal aktar minn 20,000 tesserat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, u qal li l-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ elezzjoni ta’ Kap tal-partit mhux biss huwa dritt tagħhom iżda dover.

Francis Zammit Dimech spjega li l-jum tal-elezzjoni, it-3 ta’ Ottubru, tħabbar skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista wara li l-Kummissjoni Elettorali rċeviet l-ittra mill-Kummissjoni Kandidati fejn informat li l-kandidati prospettivi għal Kap tal-Partit Nazzjonalista – Dr Adrian Delia u Dr. Bernard Grech – huma eliġibbli sabiex jikkontestaw din l-elezzjoni.

Għaldaqstant issa ngħata bidu għall-pass li jmiss fejn preżentament qed jinġabru minn kull kandidat prospettiv madwar il-120 firma meħtieġa mill-għeruq u l-aktar organi importanti tal-partit, fosthom ammont mit-tesserati eliġibbli kif ukoll membri tal-Kunsill Ġenerali.

Francis Zammit Dimech spejga li fis-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija tal-Covid-19, il-kummissjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista ser tkun qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa tul il-jiem kollha tal-votazzjoni – jiem li ser ikunu qed jitqassmu b’tali mod li jakkomodaw lil kull tesserat; fosthom dawk tal-early voting kif ukoll għal dawk il-persuni li għandhom problema ta’ mobbilità.

Mistoqsi min hu eliġibbli li jivvota f’din l-elezzjoni, is-Segretarju Ġenerali spjega li persuna trid tkun tesserata għal sentejn sħaħ konsekuttivi u kalendarji apparti din is-sena – jiġifieri min jittesera issa għall-ewwel darba mhux eliġibbli imma min għandu tessera valida almenu mis-sena 2018 ‘il quddiem jista’ jivvota.

Huwa finalment irringrazzja lil voluntiera kollha li kuljum jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom għall-Partit Nazzjonalista sabiex dan il-proċess jintemm b’suċċess.

Francis Zammit Dimech emfassizza li l-Partit Laburista m’għandu ebda dritt jindaħal f’dan il-proċess li jrid jibqa’ il-proċess tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.  Żgur li l-Partit Laburista m’għandu ebda dritt jagħmel xi forma ta’ kritika meta lanqas biss jaf fejn jibda l-proċess ta’ ‘due diligence’ għax kieku jispiċċa mingħajr b’ħafna persuni barra mill-istess Kabinett!