Budget 2021 Lokali

Proposti miż-żgħażagħ għall-Budget 2021

“Hemm bżonn li t-toroq Maltin jingħataw iktar attenzjoni, jiżdiedu karreġjati għar-roti u jigi offrut trasport pubbliku effiċjenti.”

Kienet din waħda mill-proposti li ppreżenta l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ hekk kif bdew il-preparazzjonijiet għall-Budget 2021 li mistenni jkun ppreżentat f’Ottubru.

Fil-proposti tal-KNZ ġew indirizzati sitt temi li jaffetwaw liż-żgħażagħ f’pajjiżna. L-ewwel tema hi dwar Għawdex fejn saħqu dwar il-bżonn li jkun hemm sistemà ta’ ħlas waħda fejn jidħlu s-servizzi tat-trasport pubbliku, inkluż Tallinja u l-vapur t’Għawdex.

Dwar is-Saħħa il-KNZ saħqu li hemm bżonn li tingħata attenzjoni lejn l-Isptar Monte Karmeli, u r-riżorsi li jintużaw, u l-edukazzjoni relatata mas-saħħa mentali. L-istess ingħad fejn tidħol il-kura tas-saħħa sesswali hekk kif hemm bżonn riżorsi għal dan is-settur.

Fejn jidħlu l-edukazzjoni u x-xogħol, huma ssuġġerew li l-istudenti jingħataw iktar għajnuna hekk kif il-ħajja qed issir iktar magħġġla minn qatt qabel. Dan fid-dawl tal-fatt li ż-żgħażagħ qed isibuha diffiċli ferm li jlaħħqu mal-istudju u fl-istess waqt jaħdmu biex ikollhom biex jgħaddu minn xahar għal xahar.

Rigward it-tema tal-ambjent u l-infrastruttura, intqal illi it-toroq ghandhom jingħataw l-attenzjoni xierqa biex is-sewwieqa ikunu siguri filwaqt li tkun introdotta s-sistemà ta’ ‘smart traffic-lights’ biex jiffaċilitaw l-immaniġjar tat-traffiku.

Proposta oħra tindika kif il-ġurnalisti għandhom jingħataw flus biex ikunu jistgħu jsaħħu d-demokrazija f’pajjiżna.

Dwar l-inklużjoni u l-libertajiet ċivili il-KNZ saħaq li hemm bżonn iżjed toilets newtrali. Dan filwaqt li jiżdiedu r-riżorsi għall-Hate Crime & Speech Unit biex jindirizzaw iżjed l-abbuż online.