Lokali

Sejħa “mifnija b’illegalitajiet”

Għat-tielet darba f’daqstant snin, it-tender għal servizz ġdid ta’ vjaġġar bejn Malta u Għawdex, jinsab wieqaf.

Il-ġurnali Times of Malta jirrapporta li l-kumpanija Virtu Ferries, qalet li s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess hi maħsuba ħażin u mifnija b’diversi illegalitajiet ta’ natura serja. U l-kumpanija qed it-titlob biex is-sejħa għall-offerti tiġi kanċellata.

Iżda filwaqt li ż-żewġ sejħiet preċedenti kienu għal servizz ta’ fast-ferry, is-sejħa għall-offerti maħruġa x-xahar li għadda kienet għal servizz hop-on minn ħames postijiet differenti – Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, il-Belt Valletta, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u Għawdex.

Virtu Ferries ma kienux l-uniċi li lmentaw dwar din is-sejħa għall-offerti. L-istess għamlu l-kumpaniji Supreme Travel, Marsamxetto Steamferry li hi kumpanija sussidjarja tal-Captain Morgan, u Mercantile and Coaling Co u Bianchi and Co.

Huma qalu li l-kriterji tal-għażla kienu jiffavorixxu operaturi fuq oħrajn.

Virtu Ferries qed tinsisti li s-sejħa għall-offerti tikser ukoll ir-regoli tal-UE dwar għajnuna mill-Istat, li l-esklussivita’ ta’ 15-il sena mhux ġustifikata u eċċessiva.

Virtu Ferries qalu li s-servizz kif propost ma jilħaqx il-mira li jgħin il-komunita’ Għawdxija. Għaliex minflok  fast ferry service bi vjaġġ ta’ 35 minuta bejn il-Belt Valletta u l-Port tal-Imġarr, is-servizz propost jinvolvi vjaġġ ta’ mill-inqas siegħa u erbgħin minuta.