Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs għal Eġizzjan fuq ħarba minn ċentru ta’ detenzjoni u Sudaniż ma jammettix

Eġizzjan ta’ 37 sena mar sitt xhur ħabs wara li ammetta li ħarab miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi. Adel Hassan Saad ammetta li wettaq din il-ħarba fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Settembru li għadda.

Sadanittant, Sudaniż ukoll immigrant ta’ 32 sena, Mohammed Yousef Ahmed Bushra ukoll ġie mixli li ħarab mill-istess ċentru iżda huwa wieġeb mhux ħati ta’ dan ir-reat.

Fil-Qorti huwa oġġezzjona bil-qawwa kollha għall-proċeduri li nfetħu kontrih u nsista li bħala persuna li qed tfittex l-ażil ma setax jitressaq fil-Qorti mixli b’ħarba meta huwa ma jridx imur fil-pajjiż fejn li se jintbagħat.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace nfurmatu li l-każ dwar il-ħarba kien se jinstema quddiem Maġistrat ieħor u seta jqajjem l-ilmenti tiegħu meta tibda l-kumpilazzjoni tiegħu. L-immigranti tressqu fil-Qorti mill-Ispettur Janetta Grixti u li għalihom deher l-Avukat Noel Bartolo.

Ritratt: mill-Arkivji