Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs għal Rumen li ġabar donazzjonijiet taparsi għall-persuni b’diżabilità

Adrian Ene, Rumen ta’ 29 sena ġie kundunnat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li ffroda diversi persuna meta għamel perjodu jħabbat il-bibien tan-nies li jgħidilhom li kien jiġbor donazzjonijiet għal persuni li għandhom xi forma ta’ diżabilità

Dan il-każ ġie solvut minn informazzjoni li kienet qed tiċċirkola fuq facebook minn għadd ta’ persuni fosthom dawk li kienu ġew migduma. Kien hemm minn fuq facebook tella’ ritratt ta’ Ene biex persuni li kienu se jiġu ffrodati minnu kienu jkunu jafxu x’inhu għaddej.

Irriżulta wkoll li Ene diversi drabi kien jagħmilha ta’ mutu meta kien imur biex jiġbor il-flus. Miegħu kien qed jiġi mixli Rumen ieħor, Leonard Tanase wkoll ta’ 29 sena, li ma nstabx ħati ta’ dawn l-akkużi iżda spiċċa detenut għal xahar minħabba li nstab ħati li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ, akkuża li tagħha nstab ħati wkoll Ene.

Iż-żewġ Rumeni m’għandhomx residenza fissa għamlu wkoll perjodu jorqdu f’karozza. L-istess Ene nstab ħati li ġabar flus mill-pubbliku taħt assoċċazzjoni falza f’ diversi lokalitajiet fosthom San Pawl il-Baħar, Ħal Għaxaq u Buġibba.

Ir-Rumen kien iħabbat fuq il-biebin tan-nies u jitlob donazzjonijiet għal għaqda tal-karità li ma teżistiex. Ir-Rumeni kienu ġew arrestati mill-Pulizija wara lmenti li kienu saru minn għadd ta’ persuni fuq Facebook.

Ene, kien iqassam leaflets li hu stess iffalsifika biex jagħmel il-punt tiegħu għall-ġbir aktar kredibbli. Huwa dejjem insista fil-Qorti li ma kienx konxju li kien qed jikkommetti frodi.

Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima l-Ispettur Trevor Micallef li mexxa l-Prosekuzzjoni kien qal li fis-16 ta’ Marzu 2019, is-Surġent Malcolm Pace, kien infurmah illi kien arresta żewġ Rumeni wara li kien irċieva rapport li wieħed minnhom kien qiegħed jħabbat il-bibien tan-nies biex jiġbor il-flus għan-nom ta’ persuni b’diżabilità.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post f’Birżebbuġa sabu lil Adrian Ene b’folder u b’karti bil-logos, bil-bandiera Maltija rasha l-isfel. Sab wkoll lil Leonard Tanase fil-vettura bil-pjanċi barranin. Huma ġew arrestati u ttieħdet stqarrija mingħandhom.

Xehed ukoll is-Surġent Malcolm Pace illi qal li fis-16 ta’ Marzu 2019 kien l-għassa taż-Żurrieq, u għall-ħabta tat-3.40pm kien ġie nfurmat mill-Pulizija ta’ Birżebbuġa illi kienu rċevew telefonata li kien hemm persuna li kien qiegħed jitallab il-flus u jħabbat il-bibien għal donazzjoni.

Hu qalilhom biex imorru fi Triq Santa Rita u żewġ Kuntistabbli sabu lil Adrian Ene li kellu basket żgħir ma’ qaddu u ‘clip board file’ iswed f’idejh, u karti iffirmati bid-donazzjonijiet.

L-ewwel indikazzjonijiet urew illi kien qiegħed jiġbor flus f’isem assoċjazzjoni għat-tfal b’diżabilità. Il-Pulizija ħaduh l-għassa ta’ Birżebbuġa għal aktar stħarriġ u hu mar l-għassa fejn sab lil Adrian Ene, u ra illi l-karta li beda jittallab biha kienet qarrieqa għax il-bandiera ta’ Malta kienet rasha l-isfel u kien hemm simbolu ta’ persuna f’wheel chair u kien hemm timbru ta’ Handicap International.

Kien hemm miktub, “L-Assocjazzjoni Nazzjonali ghat-tfal b’diżabilità – tad-diefu muta, tixtieq li tiftaħ ċentru ma’ newsletters nazzjonali u internazzjonali. Jekk joghgbok help us u l-firma tiegħek. Grazzi hafna”.

Kien hemm madwar seba’ firem b’donazzjonijiet differenti li b’kollox ammontaw ghal €120. Żewġ donaturi ġew identifikati għax kien hemm in-numru tal-karta tal-identità.

Ix-xhud kompla jgħidli li hu għamel tfittxija fil-basket kannella ta’ Adrian Ene, fejn sab kartiera tad-ditta Claudio Felice, lighter, biro, mobajl, xi karti, karta ta’ Dragonara, karta tal-identità Rumena u flus ewro kif ukoll flus barranin.

Adrian Ene kien infurmhom illi kellu l-karrozza tieghu pparkjata hdejn il-knisja f’Birżebbuġa u hu kien mar mal-kollegi tiegħu u sabu l-vettura ta’ l-għamla Golf bin-numru ta’ reġistrazzjoni Germaniza.

Kien hemm persuna oħra ta’ nazzjonalità Rumena li kien jismu Leonard Tanase u ħadhom l-għassa ghal aktar stħarriġ. Ġewwa l-vettura kien hemm saqqu fuq wara, ammont ta’ ħwejjeġ u muniti li jammontaw ghal €19.21.
Qal li kien hemm ħmieġ enormi fil-vettura li kien jidher li ż-żewg persuni kienu qegħdin jorqdu fiha.

Kompla jgħid li aktar tard marret mara fl-għassa ta’ Birżebbuġa li qalet li dakinhar kien mar raġel jħabbat il-bieb u ommha fetħet. X’ħin niżlet isfel għarfitu mir-ritratt li kien deher fuq il-media soċjali dwar nies li kienu qegħdin jduru l-bibien.

Hi identifikatu bħala Adrian Ene fejn dan talabha għall-flus u hi rrifjutat u telgħet fuq il-bejt u ħaditlu ritratt. Ix-xhud kompla jghid li mara oħra minn Ħal Għaxaq tat stqarrija illi kienet ippostjat ritratt ta’ Ene sabiex il-pubbliku joqghod attent ghax kien mar jħabbat il-bieb tad-dar, u beda jagħmilha ta’ mutu u wrihom bandiera ta’ Malta rasha l’isfel u kliem miktubin li ma jgħamlux sens.

Huma ma tawhx flus ghax il-‘boyfriend’ tagħha qalilha li kien ra artiklu fuq it-Times of Malta. Wara mar għand il-ġirien u semgħuh jitkellem u jitlob il-flus u qalulhom biex ma jagħtuhx flus u ħadulu ritratt u postjawh fuq facebook.

Xehed ukoll il-Kuntistabbli Julian Fenech li qal li fl-14 ta’ Marzu 2019 għall- ħabta ta’ 4.30pm, meta kien l-għassa l-Qawra, kien irċieva telefonata minghand raġel li kien talab l-assistenza tal-Pulizija fejn il-knisja ta’ Burmarrad għax kien hemm persuna li kien daħallu f’daru, u kien qiegħed jsegwih fit-triq.

Dan qal lill-Pulizija li kien għadu jasal id-dar mis-safar mal-mara u tifla minorenni, kien għadu bil-bagalji f’idejh u kien sema’ l-qanpiena ddoqq u hu qabad u fetaħ il-bieb għax kienu qegħdin jistennew xi familjari.

X’ħin fetah ra raġel bil-file f’idejh li għaraf bħala Adrian Ene, u ħaseb li kien daħal biex jisirqu u mar jikkonfrontah u beda jkellmu bl-Ingliż fejn din il-persuna ħarbet il-barra. Is-Sur Agius mar jsegwih u spicca hdejn il-knisja
ta’ Burmarrad.

Ir-raġel qal lix-xhud li Adrian Ene telaq minn fuq il-post f’karrozza Volkswagen ta’ lewn blu bi pjanċi barranin, imma ħadlu ritratt, u għalhekk ix-xhud hargu bhala persuna imfittxija fuq is-sistema tal-Pulizija.

Irrizulta illi r-Rumeni kienu ġew Malta biex isibu xogħol u kienu ilhom erbat ijiem fejn fl-ewwel lejl kienu raqdu f’lukanda u wara kienu qegħdin jorqdu fil-karrozza għax kien wisq gholi.

,