Lokali

Sunflower Campaign: HospiceMalta bżonn l-għajnuna tiegħek

Hemm bżonn l-għajnuna, is-Sunflower Campaign ta’ din is-sena hija importanti aktar minn qatt qabel. Sostna dan iċ-Chief Relations Officer ta’ HospiceMalta, Andrew Zammit f’intervista ma’ Net News fejn spjega li kawża tal-pandemija tal-Covid-19 l-attivitajiet ta’ ġbir li permezz tagħhom jingħataw l-għajnuna diversi persuni li jkollhom bżonn kull tip ta’ kura…waqfu.

Huwa stqarr li minħabba l-Covid-19 din is-sena l-avvenimenti li ssoltu jsiru minn HospiceMalta waqfu u għaldaqstant id-dħul u l-ġbir ta’ fondi li jsiru matul is-sena sfortunatament ma setgħux iseħħu.

Andrew Zammit saħaq li f’dawn ix-xhur li pajjiżna beda jħabbat wiċċu mal-pandemija, l-Hospice ħadet miżuri ta’ prekawzjoni tul dan iż-żmien, ankè minħabba l-fatt li l-pazjenti li jitolbu l-għajnuna tal-Hospice huma meqjusa bħala persuni mill-aktar vulnerabbli.

Huwa spjega li mingħajr l-għajnuna tal-Maltin u l-Għawdxin il-ħidma tal-Hospice, tal-infermiera, tobba u voluntiera żgur li ma tkunx possibli sabiex tkun hemm ghal min hu l-aktar fil-bżonn.

Minkejja dan kollu, f’dawn ix-xhur HospiceMalta xorta waħda baqgħet taħdem qatigħ ankè permezz ta’ sistemi onlajn fejn fost oħrajn tati widen għall-problemi tal-pazjenti tagħha, mhux biss fiżiċi iżda ankè mentali – isservi ta’ wens għal pazjenti li jaffaċċjaw is-solitudni u ta’ spalla għal qrabathom.

Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex jagħti d-donazzjoni tiegħu onlajn fuq hospicemalta.