Futbol Sport

Tliet punti diffiċli għal Chelsea kontra Brighton

(Ritratt: EPA)

Chelsea kellhom jitħabtu biex jiksbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun meta fl-Amex Stadium għelbu lil Brighton 3-1. Frank Lampard għażel li jibda lil Werner u lil Havertz, tnejn minn numru ta’ akkwisti li Chelsea wettqu dan is-sajf.

Timo Werner ħalla mpatt mal-ewwel 20 minuta tal-partita, meta wara pass ta’ Jorghinho, prova jdur mal-gowlkiper Ryan li biex iwaqqfu kellu jwaqqaw fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Minn ħdax -il metru JORGHINHO ma żbaljax.

Brighton wieġbu u ħolqu bosta azzjonijiet tant li sa tmiem l-ewwel taqsima kellhom xuttijiet aktar minn Chelsea. It-tim ta’ Graham Potter ġab id-draw fil-54 b’konklużjoni għar-rokna minn LEANDRO TROSSARD. Chelsea wieġbu mal-ewwel u minuta biss wara REECE JAMES spara xutt b’saħħtu għar-rokna tax-xibka mid-distanza biex reġa tefa’ lil Chelsea fil-vantaġġ.

Chelsea skorjaw it-tielet gowl fis-66 minuta meta minn corner ta’ James kien ZOUMA li kkonkluda lejn il-lasta bil-ballun ikun devjat għal wara Ryan minn Webster għal 3-1. Minn dak il-ħin, Chelsea għarfu jamministraw il-partita sat-tmiem biex kisbu l-ewwel punti tal-istaġun.

PREMIER LEAGUE

Is-Sibt: Fulham v Arsenal 0-3, C. Palace v Southampton 1-0, Liverpool v Leeds 4-3, West Ham v Newcastle 0-2, Man City v A. Villa posp, Burnley v Man Utd posp, Ilbieraħ: West Bron v Leicester 0-3, Tottenham v Everton 0-1, Illlum: Sheff. Utd v Wolves 0-2, Brighton v Chelsea 9.15pm