Futbol Sport

Żewġ gowls fil-bidu jagħtu rebħa komda lil Wolves

(Ritratt: EPA)

Żewġ gowls fl-ewwel sitt minuti skorjati minn Raul Jimenez u Romain Saiss kienu biżejjed biex Wolves kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun fi Bramall Lane kontra Sheffield United.

It-tim ta’ Nuno Espirito Santo fetaħ tajjeb u wara biss tliet minuti cross tajjeb ta’ Podence sab lil RAUL JIMENEZ waħdu fil-kaxxa li mill-viċin ma fallie. Tliet minuti biss wara, Wolves rduppjaw meta minn corner kien ROMAIN SAISS li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha ma ta l-ebda ċans lil Ramsdale li kien qiegħed jiddebutta bejn il-lasti ta’ Sheffield United.

Sheffield United żiedu r-ritmu wara t-tieni gowl u xeħtu kollox fuq l-offensiva. Fit-tieni taqsima, wara biss tliet minuti resqu viċin li jiskorjaw meta l-konklużjoni ta’ Enda Stevens għaddiet ftit barra. Fit-52 minuta x-xutt ta’ Fleck stampa mal-wieqfa wara azzjoni maħduma tajba mit-tim ta’ Chris Wilder.

Wolves resqu viċin li jiskorjaw it-tielet gowl tal-partita, meta fil-71 minuta x-xutt ta’ Saiss kien salvat b’diffikulta minn Ramsdale. Wolves komplew ikunu superjuri lejn it-tmiem u għal darb’oħra kienet il-lasta li ċaħdet lil Raul Jimenez milli jagħlaq il-partita.