Internazzjonali

Alexei Navalny: Il-kritiku ewlieni ta’ Putin beħsiebu jirritorna pajjiżu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa Alexei Navalny, li jinsab rikoverat l-isptar fil-Ġermanja, qed jaħseb biex jirritorna lejn pajjiżu. Navalny, li hu kritiku kbir tal-President tar-Russja, Vladimir Putin, kien spiċċa vvelenat, fl-20 ta’ Awwissu, ftit qabel qabad titjira fis-Siberja – bit-testijiet jikkonfermaw li hu kien ingħata s-sustanza Novichok li tattakka lin-nervatura tal-ġisem.

Il-każ ta’ Navalny ixxokkja lid-dinja, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Russu jispiċċa trasferit lejn l-isptar ta’ Charite f’Berlin, il-kapitali tal-Ġermanja.

Navalny, intant, bagħat ritratt tiegħu fuq Instagram għall-ewwel darba mindu spiċċa vvelenat u ħabbar li qed jieħu n-nifs mingħajr ħtieġa ta’ ventilatur.

Is-sorsi viċin tiegħu, fl-istess ħin, qalu li ‘ma jifhmux għalfejn xi persuni setgħu ħasbu li Navalny ma kienx se jmur lura lejn ir-Russja, waqt li sostnew ‘li ma kienet qatt ikkunsidrata alternattiva oħra.’

L-attivisti viċin Navalny qed jallegaw li hu kien spiċċa vvelenat ‘fuq l-ordnijiet tal-President Putin’ – bil-Kremlin ta’ Moska jiċħad għal dan b’mod kategoriku.